Ġenituri u studenti li jattendu fi skola f’Cornwall, fir-Renju Unit, ħarġu jipprotestaw kontra r-regoli “ħorox” tal-iskola fil-konfront tal-istudenti.
Studenti li jattendu l-Camborne Science and International Academy f’Cornwall, jinsabu mxebbgħin bis-sitwazzjoni attwali tal-iskola għaliex ġew qishom qegħdin f’ħabs.
Fost il-ġenituri li tkellmu mal-BBC, kien hemm omm li spjegat illi t-tgergir min-naħa tagħhom ġej minħabba l-fatt li l-iskola mhix tagħmel distinzjoni bejn ksur żgħir tar-regoli u oħrajn iktar serji: “mhux qed issir distinzjoni bejn li persuna tidħol fil-klassi żewġ minuti tard u persuna li tgara siġġu”.
Jingħad li kien hemm studenti li ma tħallewx joqogħdu għal-lezzjonijiet għax ittardjaw bi ftit minuti u oħrajn li ġew sospiżi mill-iskola għax talbu biex imorru t-toilet.
Huwa rappurtat li din it-tmexxija b’approċċ “militari” qed toħloq ansjetà kbira fost l-istudenti minħabba t-tip ta’ kastigi li qed jingħataw. Il-ġenituri sostnew li wliedhom qed jingħataw detenzjoni minħabba lbies li dejjem kien meqjus xieraq għall-iskola, filwaqt li oħrajn qalgħu ċanfira għax neżgħu l-blazer matul il-perjodu tal-mewġiet ta’ sħana li laqtu l-pajjiż.
Kompla jingħad li bħala “riflessjoni” għal dan l-aġir li jkun twettaq mill-istudenti, it-tfal ikunu mitluba jikkupjaw testijiet mill-kotba tat-tagħlim għal żewġ lezzjonijiet sħaħ mingħajr ma jitħallew jieqfu għall-ikel jew biex jixorbu, u lanqas jitħallew imorru t-toilet. F’każ li ma jobdux din l-ordni, jispiċċaw sospiżi, fissru l-ġenituri.
B’reazzjoni għal dan, għadd ta’ studenti telgħu maċ-ċnut tal-iskola jipprotestaw kontra dawn ir-regoli. Dan filwaqt li l-ġenituri tagħhom inġabru jipprotestaw quddiem l-iskola nhar l-Erbgħa li għadda, bil-pulizija tal-lokal li ntalbu jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-Kap tal-Iskola, Emma Haase, saħqet li dawn ir-regoli huma “vitali” għall-benesseri tal-iskola u tal-istudenti stess.