Sunday, December 22, 2024

Tallega li żewġha kien “jibgħatha mal-irġiel” biex toħroġ tqila

Wara diversi snin, raġel Għawdxi jinduna li t-tfal mhux tiegħu

Aqra wkoll

Wara snin ta’ battalja legali, raġel Għawdxi ngħata d-dritt li jneħħi ismu minn fuq iċ-ċertifikat ta’ wliedu u minflok jitniżżel isem mhux magħruf. 

L-ewwel każ li kien fetaħ ir-raġel kien f’Awwissu tal-2010 meta kien talab lill-Qorti diversi talbiet fosthom li tneħħi ismu miċ-ċertifikati. Ma’ din it-talba hu kien ippreżenta riżultati tad-DNA li fil-verità juru li hu mhux missier “uliedu”. Hu kien qal li kienu żżewġu fl-1994 u minn dan iż-żwieġ kellhom żewġ ulied.

Fir-risposta tagħha martu kienet qalet li hija taqbel u tikkonferma t-testijiet tad-DNA, iżda allegat li fil-fatt kien żewġha li kien eġġiġha li jkollha relazzjoni extra-maritali biex ikollhom l-ulied mingħajr ma jgħaddu mill-proċeduri ta’ adozzjoni minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

Kien f’Ġunju tal-2011 meta l-Qorti tat sentenza fejn kienet qalet li filwaqt li qatt ma tista’ temmen lil mara li żewġha kien jibgħata ma’ rġiel oħrajn biex toħroġ tqila, qalet li r-raġel “donnu ippretenda li ma kien jinħtieġlu jressaq l-ebda prova oħra għajr provi xjentifiċi li juru li t-tfal tassew mhumiex uliedu”.

Kien għalhekk li din il-Qorti kienet ċaħdet it-talba tar-raġel biex ismu jitneħħa minn fuq iċ-ċertifikat ta’ “wliedu”.

Hekk kif baqgħu għaddejjin is-snin u l-koppja kienu sseparaw, ir-raġel fl-2020 ressaq rikors fejn talab lill-Qorti biex mill-ġdid jingħata awtorizzazzjoni jiftaħ kawża oħra, liema permess kien ingħata. Din id-darba r-raġel kien talab lill-Qorti li mhux biss jingħata awtorizzazzjoni jiftaħ kawża kontra l-eks-mara, iżda wkoll kontra dawk li suppost kienu wliedu.

Fil-kawża li fetaħ ir-raġel reġa’ sostna li għandu ċ-ċertifikati tad-DNA li juru li t-tfal mhux uliedu kif ukoll żied li ilu ma jagħmel kuntatt magħhom għal aktar minn seba’ snin.

Fir-risposta tagħhom l-eks-mara u ta’ “wliedu” qal li din il-kawża kienet qed issir biss u bl-unika intenzjoni li r-raġel jaħrab mid-dmirijiet tiegħu li jħallas manteniment lill-uliedu, li skont il-mara “anteniment li qajlaqatt tħallas lill-uliedu u li kien biss wara rapporti kriminali li sar tali ħlas”.

Ir-raġel ippreżenta lill-Qorti t’Għawdex tlett affidavits – wieħed tiegħu u tnejn ta’ ħutu.

Fl-affidavit ir-raġel sostna li hu żżewweġ lill-martu fl-1994 u minn dan iż-żwieġ kien hemm żewġt itfal. Hu sostna li ż-żwieġ sfaxxa fl-2010. Xehed li hu kien iqis lit-tfal bħala wliedu tant li kien jeħodhom għand ommu b’mod regolari biex igawdu lin-nanniet.

Jgħid li l-mara kienet qaltlu li ż-żwieġ tagħhom kien spiċċa u peress li d-dar fejn kienu jgħixu kienet ta’ missierha, keċċitu ‘l barra. Ir-raġel jgħid li għall-ewwel beda jgħix f’kamra f’barriera imbgħad wara xi żmien kien mar jgħix mill-ġdid għand il-ġenituri tiegħu.

Ir-raġel kompla jixhed li f’Settembru tal-2010 kellu bżonn jagħmel operazzjoni u l-eks-mara ma kinitx ħadet lill-uliedu biex jarawh. Hu sostna li kien fl-istess żmien li xi nies qalulu li t-tfal mhux tiegħu u kien talab biex isir test tad-DNA.

Minn dawn it-testijiet ħareġ ċar li t-tfal li dejjem emmen li kienu wliedu kienu ta’ rġiel differenti.

Hu qal li ċ-ċirkostanżi llum huma ferm differenti miċ-ċirkostanzi ta’ meta fetaħ l-ewwel kawża. Ir-raġel jgħid li għal dawn l-aħħar seba’ snin u aktar “wliedu” ma kellhom l-ebda kuntatt miegħu jew ma’ xi ħadd mill-familja tiegħu. Jgħid li lanqas biss jiltaqa’ magħhom jew ikellimhom fil-Milied jew inkella meta jiċċelebraw snienhom.

Xhedu wkoll ħutu fejn sostnew li għalihom dawk it-tfal huma barranin u mhux aktar tal-familja tant li anke meta jiltaqgħu f’xi ħanut ma jkellmux lil xulxin.

Meta l-Qorti ġiet biex tiddeċiedi dwar dan il-każ qalet li “l-pussess tal-istat ta’ iben leġittimu jiġi stabbilit minn ġabra ta’ fatti li, meħudin flimkien, jiswew biex juru r-rabta ta’ filjazzjoni u ta’ demm bejn it-tifel u l-familja li hu jgħid li hi l-familja tiegħu.” Il-Qorti kkunsiddrat fatti oħrajn bħal li t-tfal dejjem ġabu l-kunjom tal-missier, li l-missier kien jitratthom bħala wliedu u anke dejjem kienu magħruf bħala tali man-nies.

Il-Qorti qalet li hija osservat li l-unika provi li tressqu kien min-naħa tar-raġel filwaqt li l-mara ma ressqet l-ebda prova biex twaqqa dak li kien qed jgħid hu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti t’Għawdex qalet li hi tal-fehma li r-raġel irnexxielu jipprova li “Il-Qorti hi tal-fehma li l-attur “illum il-ġurnata wliedu ma jipposjedux stat li huwa konformi mal-att tat-twelid tagħhom. L-attur irnexxielu jipprova li għalkemm qabel ma ntebaħ li ż-żewġ konvenuti msemmija ma kinux uliedu huwa kien jittratta magħhom bħala l-missier tagħhom, wara li kien konsapevoli tal-fatt li huma ma kinux uliedu r-relazzjoni ta’ bejniethom tkissret tant li lanqas jaf fejn jgħixu eżattament, ma jipparteċipax f’ħajjithom bl-ebda mod u kif lanqas ma jieħdu parti f’ħajtu huma. Jgħid li la kien jieħu sehem f’attivitajiet skolastiċi u lanqas soċjali li kienu jikkonċernaw lit-tfal”.

Fis-sentenza tagħha l-qorti qalet ukoll li mill-provi joħroġ ċar li l-missier u wliedu jgħixu ħajja indipendenti minn xuxlin u huwa ċar li ma teżisti l-ebda rabta familjari bejnithom.

Kien għalhekk li l-Qorti f’Għawdex laqgħet it-talba tar-raġel u ismu se jitneħħa minn fuq iċ-ċertifikat ta’ wliedu u jitniżżel wieħed “missier mhux magħruf.”

Il-Qorti f’dan il-każ tal-aħħar kienet ippreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana.

Ekonomija

Sport