Wednesday, February 12, 2025

“Tgħallimt li hu x’inhu d-dlam, qatt ma għandna nieqfu niġġieldu dak li nemmnu”

- Kimberley Laws dwar l-inċident ta’ bintha Amberley

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Dakinhar tal-inċident ta’ binti, mietet xi ħaġa ġewwa fija, imma tgħallimt li hu x’inhu id-dlam, qatt m’għandna nieqfu niġġieldu għal dak li nemmnu fih. Grata ħafna għad-donazzjonijiet li qed jagħti l-pubbliku u talli l-poplu Malti qed jemmen fina”. 

Dan kien il-messaġġ li wasslet Kimberley Laws ma’ dan il-ġurnal, hekk kif spjegatilna kif ħajjitha u ħajjet familtha nqalbet ta’ taħt fuq meta f’April tas-sena li għaddiet it-tifla tagħha Amberley ntlaqtet minn taxi meta kienet fi triqitha lejn l-iskola. 

L-omm spjegatilna li b’dak li ġara, it-tifla tagħha kienet waqfitilha qalbha għal ftit ħin. B’tant emozzjonijiet, l-omm irringrazzjat lit-tim mediku li taw l-ewwel għajnuna lil bintha, fosthom Pulizija li beda l-proċedura tas-CPR. 

Ma’ dan il-ġurnal, Kimberley enfasizzat li bintha għamlet ġimgħat f’koma u li b’kollox damet madwar tmien xhur l-Isptar. Irrimarkat li minkejja li llum-il ġurnata bintha tinsab f’sensiha, tilfet l-abbiltà li titkellem u twassal l-emozzjonijiet tagħha.

Qaltilna wkoll; “Binti Amberley tinsab maqbuda f’ġisem li ma tistax tesprimi ruħha. Huwa għalhekk li teħtieġ b’mod urġenti programm intensiv ta’ newroriabilitazzjoni, programm li sfortunatament mhuwiex disponibbli ġewwa pajjiżna”.

L-omm qalet li l-unika tama li hemm hija li bintha tingħata t-trattament meħtieġ ġewwa l-Isptar Bambino Ġesu f’Ruma, fejn l-ispeċjalisti jkunu jistgħu jipprovdu l-kura meħtieġa li għandha bżonn Amberley. 

Il-familja Laws tkellmu ma’ diversi professjonisti u tobba fl-Italja, li fi ftit kliem qalulhom li jekk Amberley ma tingħatax din il-kura meħtieġa, ma hemmx ċans li t-tifla timxi ‘l quddiem. 

L-omm spjegatilna wkoll li l-ispejjeż ta’ dan it-trattament essenzjali, flimkien mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, huma kbar ħafna għall-familja. 

Qaltilna; “Kelli nħalli x-xogħol tiegħi biex inkun ħdejn Amberley f’kull pass li qed tagħmel u dan filwaqt li qed nagħtu dak kolllu possibbli u meħtieġ , però żgur li m’aħniex u ma nistgħux naslu waħedna”

Int kif tista’ tgħin? 

Kulħadd jista’ jgħin billi jagħti donazzjoni, hekk kif b’kollox il-familja għandha bżonn €100,000.

Id-donazzjonijiet tistgħu tibgħatuhom permezz ta’ dawn id-dettalji; Revolut, fuq in-numru 99230241 jew inkella bl-IBAN tal-BOV MT57VALL 22013000000014607768016 jew permezz ta’ bov pay fuq in-numru 79453521.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport