Il-Ħadd 10 ta’ Marzu li għadda, aktar minn xahar ilu, minn din il-paġna kont rrimarkajt u kkummentajt dwar li wieħed mit-turġien mekkanizzati (escalator) f’The Duke Shopping Mall, ir-Rabat, Għawdex, kien ilu għal xhur sħaħ ma jaħdimx. Il-parti tat-taraġ mekkanizzat li ma taħdimx hija dik li ttellgħek mill-ewwel sular ta’ taħt l-art għal-livell tat-triq, tad-dħul/ħruġ tal-post.
Kont ktibt hekk: Xi ħadd kien qalli li l-parti li mhux taħdem hija suġġetta għal inkjesta maġisterjali b’konnessjoni ma’ inċident li kien seħħ fejn weġġgħu xi nies. Sinċerament ma nafx jekk dan hux minnu, imma jekk hu hekk, possibbli li l-Maġistrat li qed imexxi/tmexxi l-inkjesta mhux konxju tal-inkonvenjent kawżat lill-klijenti? Għandu jgħaddi daqstant żmien biex il-klijenti jingħataw dan is-servizz?
Sa tmiem il-ġimgħa li għaddiet is-sitwazzjoni kienet għadha l-istess. X’inhuma r-raġunijiet wara dan id-dewmien kollu? Inkun qed nippretendi żżejjed jekk is-sidien ta’ The Duke Shopping Mall jagħmlu xi forma ta’ spjegazzjoni bil-Malti u bl-Ingliż f’tarf dan l-imbierek taraġ li fiha jgħidu x’inhi s-sitwazzjoni u li b’xi mod jippruvaw jiskużaw ruħhom? Possibbli ħadd mill-awtoritajiet ma jista’ jiġbed l-attenzjoni tal-Maġistrat Inkwerenti? Tkomplux turtaw lill-istess klijenti tagħkom.