Saturday, December 21, 2024

Tibda l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Skolasajf b’aktar minn 12,000 student

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “SkolaSajf hija servizz eċċellenti li mhux biss hija parti mill-viżjoni u mill-ħidma tagħna biex is-sistema edukattiva tirrifletti r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, imma servizz li permezz tiegħu nrawmu lit-tfal minn età żgħira permezz ta’ tagħlim alternattiv li jgħinhom fil-ħajja futura tagħhom.” Huwa qal li l-ministeru kompla jsaħħaħ is-servizzi li jikkontribwixxu fit-tul fil-perkors edukattiv tal-istudenti, fosthom is-servizz ta’ Klabb 3-16 u Skolasajf. “Saħħaħna dawn is-servizzi biex nilħqu aktar tfal u nippromwovu t-tagħlim barra l-ħin tal-iskola”, qal il-Ministru Grima.

Din is-sena Skolasajf se jingħata minn 54 ċentru madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, li jinkludu 5 ċentri ta’ riżorsi u 5 ċentri f’Għawdex. Is-servizz beda mill-10 ta’ Lulju sad-9 ta’ Awwissu u mid-19 ta’ Awwissu sas-6 ta’ Settembru. Filwaqt li l-ħinijiet ta’ Skolasajf huma bejn it-8:30am san-12:30pm, servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu se jingħata f’ċentri magħżula mis-7:00am sat-8:30am u min-12:30pm sal-5:30pm.

Il-Ministru Grima ddeskriva dan is-servizz bħala wieħed ta’ suċċess, bl-applikazzjonijiet qed jiżdiedu minn sena għall-oħra. Filwaqt li fl-2020 kien hemm 7,849 applikazzjoni, is-sena li għaddiet u anke din is-sena daħlu aktar minn 12,000 applikazzjoni.

Permezz ta’ Skolasajf, eluf ta’ studenti qed jingħataw servizz estiż ta’ edukazzjoni bit-tfal li jattendu jibbenefikaw minn programm ta’ attivitajiet edukattivi informali marbut mat-tema permezz ta’ attivitajiet, ta’ ħarġiet u ta’ logħob sportiv fost oħrajn.

L-entitajiet mis-settur pubbliku u privat li jikkontribwixxu għal Skolasajf qed jikbru wkoll, fil-fatt, is-sena li għaddiet kien hemm 90 entità li jinkludu wkoll kumpaniji privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi li pparteċipaw fi Skolasajf.

Ekonomija

Sport