Thursday, April 25, 2024

“Tiġġudikax bniedem fuq persuntu iżda fuq ix-xogħol li jagħmel”

Anthea Bugeja, pustiera li ġiet mgħajra “ħoxna”

Aqra wkoll

Anthea Bugeja ilha pustiera għal numru ta’ snin fejn dejjem tat servizz eċċellenti f’kull distrett li ħadmet. L-għaxqa tagħha tqassam ittri, pakketti, kartolini u kull tip ta’ posta li l-persuna jkun qed jistenna. 

Dan l-aħħar Bugeja kienet fil-midja soċjali fejn qasmet esperjenza xejn sabiħa li għaddiet minnha. Fil-fatt, f’ġurnata normali tax-xogħol hi infurmat lil waħda mir-residenti fid-distrett li kienet qed taħdem fih – u li spiss tqassmilha l-pakketti reġistrati – li l-persuna li kellha magħha kienet dik li min-nhar it-Tnejn kienet se tibda tqassam minflok. 

Iżda din ir-residenta partikolari minflok irringrazzjat lil Anthea tas-servizz eċċellenti li dejjem tatha qaltilha li aħjar għax il-persuna li se tkun qed tqassam minflokha hija rqiqa u mhux ħoxna bħalha. 

“Ksaħt u lanqas kont naf x’se naqbad ngħidilha. Għedtilha, imbilli jien ħoxna ma jfissirx li ma niċċaqlaqx,” bdiet tirrakkonta Anthea fil-filmat li dar mal-erbat irjieħ ta’ Malta fuq Tik Tok, Facebook u anke Instagram.

Hi rċeviet ħafna kummenti taħt il-filmat, min jistmerr il-kumment li qalet dik ir-residenta, min qalilha biex ma tagħtix kasha, iżda fuq kollox ħafna tawha messaġġi ta’ kuraġġ sabiex tibqa’ għaddejja b’xogħolha speċjalment għax hi pustiera magħrufa li dejjem tat servizzi impekkabbli.  

Dan is-sit tkellem ma’ Bugeja fejn tatna l-kummenti tagħha dwar dan l-inċident xejn sabiħ. “L-ewwel nett nibda biex ngħid li jien m’għamiltx dan il-filmat biex niġbed xi tip ta’ simpatija iżda biex inwassal messaġġ.” 

“Għalija m’hemmx differenza bejn min hu irqiq, oħxon, twil jew qasir. Jien naf min huwa rqiq u mhux kapaċi jimxi. Min jafni, jaf li m’għandix kwiet u li niġri minflok nimxi”.

Anthea Bugeja qalet li wara dak il-video li xeħtet fuq il-midja soċjali, hi rċeviet numru ta’ messaġġi fejn saħansitra kien hemm min  beda jitkellem dwar l-esperjenzi tagħhom b’diversi nies li għandhom stima baxxa tagħhom infushom u li żgur ma kinux se jagħmlu bħalha.  

“B’hekk wieħed jinduna li hawn ħafna nies li jbatu fis-silenzju u lanqas biss jazzardaw jirrispondu, anzi jispiċċaw ibatu waħedhom u min jaf kemm jibku wkoll. Dan xejn mhu sew għax mhux kulħadd joħodha l-istess il-kelma.” 

Saħqet li dak li qalet din il-mara partikolari nistgħu nsejħulu bħala hate speech indirett li għalkemm forsi ma kellux intenzjoni diretta, xorta jaf iweġġa’ lil dak li jkun: “Personalment jien m’għaddejtx esperjenza sabiħa b’dan il-kumment u kif jgħidu l-ilsien jaf iweġġa’.”

“Jien ngħid u ntenni li l-bniedem m’għandekx tiġġudikah fuq persuntu iżda fuq ix-xogħol li jagħmel. Jien dejjem kont apprezzata kull fejn ħdimt u żgur li din l-esperjenza mhux se taqtagħli qalbi.” Anthea qalet li anzi hi tixtieq li kemm nisa kif ukoll irġiel ikunu ta’ sapport għal xulxin aktar milli wieħed joqgħod jgħajjar b’mod personali. Hi semmiet kif kollha kemm aħna demm wieħed.  

Hi raddet ħajr lil Malta Post li kkuntattjawha fuq dan l-inċident li sar. Fost l-oħrajn hi semmiet lis-supervisor tagħha, lil HR u dawk ir-residenti ta’ din it-triq partikolari. “Irrid ngħid li hawn nies verament twajba f’dan il-pajjiż u minkejja li għad hawn xi ftit injoranza, hawn ukoll ħafna qalb kbira.” 

Finalment hi xtaqet tgħaddi messaġġ lis-soċjetà inġenerali wara dak kollu li għaddiet minnu: “Ejja nkunu aktar sensittivi għal xulxin għax persuna ma tafx minn xiex għaddejja u kelma taf tgħollik kif ukoll issabbtek!”

Sport