Saturday, May 4, 2024

Titħabbar skema ġdida ta’ Riċerka u Innovazzjoni għaż-Żgħażagħ

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, ħabbar skema ġdida bl-isem ta’ ‘Youth Led Innovation’, għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-25 sena, li ser tiftaħ f’Ottubru li ġej.

L-iskema ‘Youth Led Innovation’ tippermetti liż-żgħażagħ jikkontribwixxu aktar fil-qasam tar-riċerka billi jiżviluppaw l-innovazzjoni tagħhom f’ideat inizjali jew għal kwalunkwe parti mill-proċess tal-proġetti tagħhom.

L-iskema tenfasizza wkoll l-involviment tal-innovazzjoni f’oqsma li huma meqjusa ta’ prijorità għall-gvern li jwasslu għal żvilupp sostenibbli. Fosthom hemm: is-saħħa; l-ambjent u t-tibdil fil-klima; il-manifattura; il-qasam marittimu; is-settur tal-avjazzjoni; u t-teknoloġija diġitali.

Il-gvern u Aġenzija Żgħażagħ qegħdin jaħdmu sabiex iż-żgħażagħ ikollhom l-għodda finanzjarja ħalli  jiżviluppaw ideat ġodda kif ukoll jassiguraw ir-rwol tagħhom, li huwa tant  importanti f’diversi setturi li finalment iwassal biex tiżdied id-domanda għall-prodotti u servizzi innovattivi lokali.

L-involviment taż-żgħażagħ fir-riċerka u l-evalwazzjoni ta’ proġetti innovattivi mhux biss jiġġenera għarfien utli għas-soċjetà u l-individwi li jgħixu fiha, iżda jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-iżvilupp u l-ispazju fejn iż-żgħażagħ parteċipi jesprimu ruħhom. Dan iwassal għal benefiċċji għal dawn l-istess żgħażagħ parteċipi, l-organizzazzjonijiet, il-komunità, u l-proċess ta’ riċerka.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza li skemi bħal dawn iservu rwol fundamentali fl-iżvilupp taż-żgħażagħ billi jgħinuhom jiksbu l-esperjenza fil-qasam tar-riċerka, kif ukoll jgħinu fl-iżvilupp tagħhom.“Nifhem l-importanza ta’ inizjattivi bħalma ħabbarna llum, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ, u nħares li bħala gvern nibqgħu ninvestu fiż-żgħażagħ tagħna biex jakkwistaw għarfien, ħiliet, attitudnijiet u valuri sostanzjali li jsarrfu f’futur bi żvilupp sostenibbli”, qal is-segretarju parlamentari.

Ritratt: Jeremy Wonnacott

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li din l-iskema qed toffri spazju ieħor għaż-żgħażagħ biex joħorġu b’ideat u jsiru l-innovaturi tal-lum u ta’ għada. “B’din l-iskema Aġenzija Żgħażagħ mhux biss ser tkun qiegħda tisma’ u tagħraf iktar il-potenzjal taż-żgħażagħ, imma ser tagħti inċentiv liż-żgħażagħ ħalli jkunu t-tmun biex jirriċerkaw u jiżviluppaw l-ideat tagħhom fil-prattika”, qalet Miriam Teuma.

Hija appellat liż-żgħażagħ biex jibdew jaħsbu fuq ideat innovattivi minn issa, ħalli jkun iktar faċli għalihom biex jibbenefikaw minn din l-iskema ladarba tkun miftuħa.

Sport