Friday, December 20, 2024

Tittella’ b’suċċess it-tieni edizzjoni ta’ Lejla fil-Park f’Ta’ Qali

Aqra wkoll

Ġiet fi tmiemha t-tieni edizzjoni ta’ Lejla fil-Park, hekk kif ilbieraħ kienu bosta li attendew għal attività mtella’ fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali.

L-attività ttellgħet mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża b’kollaborazzjoni ma’ Project Green u WasteServ bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet relatati mal-Ġimgħa Ewropea Għall-Iżvilupp Sostenibbli 2023, bit-tema, “Is-sostenibilità tibda minna”.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaret din l-attività u qalet li “l-għan ta’ attivitajiet bħal dawn huwa li noħolqu attivitajiet għal kulħadd biex inkomplu nwasslu l-kunċett tas-sostenibbiltà lin-nies.”

“Se nkomplu naħdmu biex norganizzaw avvenimenti simili ħalli nkomplu nwasslu l-messaġġ li kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu biex ikollna differenza pożittiva fil-kwalità tal-ħajja tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Min-naħa tagħha, id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli Francine Pace Caruana, qalet “huwa tassew ta’ sodisfazzjon li tara l-entużjażmu tal-familji u t-tfal juru l-interess biex jitgħallmu aktar  dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), miri li Malta, flimkien ma’ pajjiżi oħra, trid tilħaq sal-2030.”

Entitajiet bħall-WasteServ, Project Green, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u Ambjent Malta ppreżentaw informazzjoni relatata mal-ambjent, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, fost oħrajn.

Il-programm kien wieħed varjat, u dawk preżenti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ukoll ma’ għaqdiet sportivi u rappreżentanti mid-Direttorat għal Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, fost oħrajn. Kien hemm ukoll esebizzjonijiet ta’ ħiliet sportivi, sessjoni ta’ fitness, logħob għat-tfal, crafts u attivitajiet sportivi u wirja mill-banda tal-iScouts ta’ Ħaż-Żabbar u Assoċjazzjoni Tama Tnabar.

Ekonomija

Sport