Sunday, December 22, 2024

Tmien snin ħabs għal raġel li kkorrompa tfal minorenni

... l-iżgħar tifla kellha sitt snin

Aqra wkoll

Taljan ta’ 60 sena residenti San Pawl il-Baħar intbagħat tmien snin ħabs wara li nstab ħati li kkorrompa tfal taħt l-età, bl-iżgħar waħda minnhom ikollha sitt snin u li offenda l-morali f’post pubbliku.

Claudio Perossa kien arrestat f’Lulju tal-2020 wara li numru ta’ ġenituri kienu qalu lill-pulizija li t-tfal tagħhom, li kellhom 6, 13 u 14-il sena rispettivament, raw lill-imputat jinża’ l-malja u jimmasturba f’bajja f’Dawret it-Tunnara, limiti tal-Mellieħa. 

Fil-Qorti ntqal li dan ma kienx każ ta’ darba. Il-ġenituri qalu fil-Qorti li t-tfal tagħhom kienu raw lill-imputat jagħmel dawn l-atti indiċeni darbtejn fl-istess ġurnata, fil-11.00 a.m. u l-5.00 p.m., filwaqt tlitt ijiem wara, Perossa reġa’ deher jinża l-malja fil-pubbliku u jgħum għarwien. 

Fid-difiza tiegħu, Perossa xehed li huwa kien innota li kellu l-lasktu tal-malja kien qed jerħi u minħabba f’hekk il-malja niżlitlu xi ftit. Qal li ħassu imbarazzat ħafna meta ntebaħ li kien hemm tfal bil-goggles jgħumu viċin iżda ma setax itella’ l-malja minħabba li l-fond tal-ilma kien jagħmilha diffiċli biex jagħmel dan. 

Qal li huwa resaq fejn kien ilaħħqu iżda xorta baqa’ f’diffikultà għax kien isofri minn problemi ta’ stabbiltà. Qal ukoll li waħda mit-tfal resqet lejh u staqsietu jekk kellux bżonn xi ħaġa iżda huwa qalilha li le. 

Din l-ispjegazzjoni iżda ma kinitx wisq konviċenti għall-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li qalet li “assolutament ma emmnitx” ir-rakkont tiegħu. Hija nnotat fost l-oħrajn li Perossa kien naqas milli jispjega għaliex kien liebes l-istess malja li kienet qiegħda “taqagħlu” fit-tieni okkażjoni. 

Minbarra dan, il-Qorti semgħet ix-xhieda jgħidu li f’żewġ okkażjonijiet separati, l-imputat kien l-ewwel osserva lit-tfal, imbagħad mexa lejhom biex iwettaq l-atti indiċenti li jindikaw li l-azzjonijiet tiegħu kienu intenzjonati u mhux minħabba “l-konfużjoni” li huwa kien allega li ġara. 

Il-Qorti rat ukoll ix-xhieda ta’ żewġ adulti, b’wieħed minnhom jgħid li kien rah jimmasturba taħt l-ilma, u l-oħra tgħid li Perossa telaq meta din resqet lejh. 

Waqt li sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu, il-Qorti kkundannat lil Perossa għal tmien snin priġunerija u ordnat sabiex ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ persuni li jkunu wettqu offiżi sesswali.

Fil-Qorti ma ġie ppreżentat l-ebda appell mis-sentenza u għaldaqstant hija definittiva.

Il-Prosekuzzjoni rtmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Paula Ciantar.

L-Avukat Mark Fenech Vella deher għal Perossa.

Ekonomija

Sport