Sunday, November 24, 2024

Triq Sant Andrija fis-Swieqi se tinfetaħ għalkollox sa tmiem dan ix-xahar 

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ix-xogħol fi Triq Sant Andrija, fis-Swieqi, kompla għaddej b’andament pożittiv, hekk kif tlestew mad-90% tax-xogħlijiet infrastrutturali pjanati b’din it-triq mistennija tkun miftuħa għat-traffiku fuq iż-żewġ naħat sa tmiem dan ix-xahar.  Fil-jiem li għaddew bdew jinfetħu partijiet tal-proġett għas-sewwieqa, bix-xogħlijiet issa jinsabu ffukati fin-naħa t’isfel ta’ Triq Sant Andrija.  

Kelliem għal Infrastructure Malta kkonferma dan ma dan is-sit, filwaqt li ta elenku tal-ħidma li saret sa issa f’dan il-proġett. L-istess kelliem spjega li ż-żewġ hairpins turns pjanati fin-naħa tal-Luxol Grounds huma lesti u ffurmati, waqt li għaddej xogħol fuq il-hairpin turn li hemm fil-parti ta’ Triq il-Professur W. Ganado.

Temporanjament, l-aċċess għall-Pembroke għas-sewwieqa li jkunu ġejjin mill-Belt Valletta għaddej mill-hairpin turn lejn Triq Tobruk. B’mod permanenti, l-aċċess minn Pembroke lejn is-Swieqi issa jinsab għaddej minn Triq Arnhem, bis-sewwieqa jaċċessaw il-hairpin turn l-oħra li tagħti aċċess lejn is-Swieqi jew High Ridge. It-traffiku fid-direzzjoni minn San Pawl il-Baħar/Triq il-Kosta lejn il-Belt Valletta għalissa ser jibqa’ għaddej temporanjament minn Pembroke. 

Il-proġett ra t-tlestija ta’ mogħdija ta’ servizzi, tqegħid ta’ pajpijiet tal-ilma u sistemi għall-ġbir tal-ilma tax-xita. Tlesta wkoll it-tqegħid ta’ walk-through culverts bil-għan li jintużaw mill-Enemalta biex tkompli tissaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona.

Fil-jiem li ġejjin ser jitkompla x-xogħol t’asfalt, l-installazzjoni ta’ crash barriers bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà fit-triq u jibdew jintużaw is-sistemi ġodda ta’ traffic lights kemm għall-vetturi kif ukoll għal min juża t-triq għall-mixi u r-rota.  

Tagħrif ġenerali dwar il-proġett

Il-proġett ta’ Triq Sant Andrija, fis-Swieqi, huwa investiment ieħor maġġuri b’Infrastructure Malta tkun inkludiet żewġ hairpin turns viċin il-Luxol Ground u hairpin turn oħra fil-parti ta’ Triq il-Professur W. Ganado. Dawn ser iwasslu għal nuqqas ta’ konġestjoni tat-traffiku.  Bħala miżura ta’ sigurtà qed tiġi inkluża crash barrier bil-għan li tiżdied is-sigurtà fit-triq biex jiġu evitati inċidenti tat-traffiku frontali.

ll-proġett jinvolvi xogħlijiet infrastrutturali minn qiegħ l-art u mhux sempliċiment xogħol t’asfalt jew manutenzjoni minuri. Il-proġett ser jara wkoll tħawwil ta’ 258 siġra u arbuxell.

Dan il-proġett isegwi l-proġett ta’ roundabout ġdida f’salib it-toroq bejn Triq Sant Andrija u f’High Ridge fis-Swieqi. Dan tejjeb l-aċċess għall-iskejjel u ż-żoni residenzjali fuq iż-żewġ naħat ta’ din it-triq ewlenija waqt li naqqas ir-riskji tal-inċidenti tat-traffiku.

Imbagħad, il-ħidma fl-inħawi ser tidħol f’fażi oħra  – b’Infrastructure Malta ser tapplika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex minflok it-traffic lights fi Triq ir-Reġjonali, qabel id-dħul lejn Paceville, u minflokhom jinbnew żewġ flyovers. Minn din iż-żona huwa stmat li jgħaddu mal-1,600 vettura fis-siegħa.

Dawn il-proġetti, bħal oħrajn, qed isiru b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali u għandhom l-għan li jżidu r-rotot diretti.

Il-proġett tal-Imsida Creek 

Wara l-approvazzjoni tal-pjanijiet tal-proġett tal-Imsida Creek mill-Awtorità  tal-Ippjanar, f’Novembru li għadda Infrastructure Malta rċeviet tliet offerti fis-sejħa pubblika għal dan il-proġett. Bħalissa għaddejja l-aġġudikazzjoni tal-offerti. 

Sport