Christian Cali ta’ 24 sena residenti San Pawl il-Baħar baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-pussess tiegħu nstabu madwar 25 gramma raża tal-kannabis.
Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt, li kien nhar it-Tnejn li għadda fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu meta l-pulizija bdew jirċievu diversi rapporti minn persuni li jgħixu fl-inħawi ta’ Pender Gardens.
Ir-rapporti kienu dwar żagħżugħ li allegatament kien beda jiffastidja xi nies li kien hemm. Hu deher aġitat u anke beda jaġixxi b’mod aggressiv.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru fuq il-post u arrestaw lil Cali. Meta saritlu tfittxija fuqu nstabu madwar 25 gramma raża tal-kannabis u anke miżien. Il-Prosekuzzjoni akkużat lil Cali li hu ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija meta kien arrestat.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża mexxija mill-avukat Josè Herrera talbet għall-ħelsien mill-arrest. Għal din it-talba l-prosekuzzjoni sabet l-oġġezzjoni hekk kif qalet li hu għandu karattru raffrettarju u fedina penali volumuża meta għad għandu biss 24 sena.
Id-difiża qalet li m’hemmx biża ta’ intralċ ta’ provi waqt li “għamel perjodu miexi fit-triq t-tajba iżda għal xi raġuni tfixkel” u żiedet li sa xahar ilu kellu wkoll impjieg fiss.
Wara li l-Maġistrat sema’ s-sottomissjonijiet qal li l-Qorti m’għandiex fiduċja li f’dan l-istadju l-akkużat se jkun qiegħed jobdi l-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard u l-Avukat Julian Scicluna f’isem l-Avukat Ġenerali waqt li għal Cali deher l-Avukat Josè Herrera.