Wednesday, April 24, 2024

Żewġ terzi tal-eżamijiet tal-Università se jsiru online

Aqra wkoll

L-Università ta’ Malta qalet li wara konsultazzjonijiet mal-Fakultajiet, l-Istituzzjonijiet, iċ-Ċentri u l-Iskejjel, ġie deċiż li aktar minn żewġ terzi tal-eżamijiet skedati li jsiru fl-aħħar tal-ewwel semestru għandhom isiru online. Dan qed isir primarjament biex jitnaqqas it-tfixkil fil-valutazzjoni minħabba assenzi kkawżati minn obbligi ta’ kwarantina.

Minkejja l-isfidi li ġabet magħha s-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa, l-Università hija impenjata li tidentifika modi u mezzi biex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom u jlestu l-ewwel unitajiet ta’ studju tas-semestru tagħhom bi tfixkil minimu.

Is-sena l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-eżamijiet saru wkoll online permezz tal-użu ta’ WISEflow minħabba l-impatt tal-COVID-19. L-eżamijiet huma skedati li jibdew nhar it-Tnejn 24 ta’ Jannar u jibqgħu s-Sibt 12 ta’ Frar.

L-Università ta’ Malta għamlet ukoll arranġamenti għal studenti li jitilfu l-eżamijiet fiżiċi tagħhom minħabba kwarantina li għandha tiġi pprovduta b’sessjoni alternattiva jew metodu alternattiv ta’ valutazzjoni, sa mhux aktar tard minn tliet ġimgħat wara li jsir l-eżami għall-ewwel darba. 

Studenti tal-aħħar sena li ma jkunux jistgħu jattendu l-università biex jagħmlu eżami minħabba kwarantina se jingħataw ukoll sessjoni speċjali.

Sport