Sunday, May 4, 2025

Żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 jistgħu jibdew igawdu minn sitt xhur sħubija f’gym imħallsa mill-Gvern

- Il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-miżura bħala opportunità oħra favur ħajja ta’ kwalità

Aqra wkoll

Mil-lum żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007 jistgħu japplikaw biex igawdu minn sitt xhur sħubija f’gym imħallsa mill-Gvern. Dan jista’ jsir billi ż-żgħażagħ japplikaw minn fuq is-sit youthfitness.gov.mt/ fejn iż-żgħażagħ li se jgawdu mit-twettiq ta’ din il-miżura mħabbra mill-Gvern fil-Budget għal din is-sena, għandhom l-għażla ta’ aktar minn 60 gym minn madwar Malta u Għawdex li huma msieħba f’din l-inizjattiva. Minn din il-miżura se jgawdu madwar 12,000 żagħżugħ.

Fit-tnedija tat-twettiq ta’ din il-miżura, f’attività mill-isbaħ fost bosta żgħażagħ u persuni entużjasti bl-attività fiżika, il-Prim Ministru Robert Abela fisser din il-miżura bħala waħda mill-aktar għal qalbu għaliex se tkompli xxettel l-imħabba lejn l-isport u l-attività fiżika sa miż-żgħożija. Qal li dan kollu joħloq kwalità ta’ ħajja aħjar u futur ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.

Fost numru sabiħ ta’ żgħażagħ fil-Mediterranean College of Sport, f’Birkirkara, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-messaġġ wara din l-inizjattiva huwa iktar importanti mill-investiment finanzjarju li qed jagħmel il-Gvern biex il-benefiċċjarji jgawdu minn sitt xhur gym mingħajr ħlas għax qed jagħmel tajjeb għalih il-Gvern. “Il-messaġġ hu wieħed favur l-importanza tal-attività fiżika sa minn età żgħira. Dan għaliex jiena nemmen li jekk naqbdu rutina ta’ attività fiżika, dik iżżommha ħajtek kollha miegħek”, qal il-Prim Ministru Robert Abela. Żied jgħid li huwa sodisfatt li bħala Gvern wassalna din il-miżura tant importanti u stieden liż-żgħażagħ li se jgawdu biex jieħdu opportunità minn din l-inizjattiva tal-Gvern. Huwa rringrazzja lil aktar minn 60 gym madwar il-pajjiż kollu li ssieħeb f’din l-inizjattiva. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fl-isport u ż-żgħażagħ jista’ jgħaqqad komunità sħiħa madwar stil ta’ ħajja b’saħħtu u pożittiv. Huwa qal li b’din l-iskema, il-Gvern qed jinvesti wkoll f’mentalità ġdida. “Qed nagħtu liż-żgħażagħ l-ispinta li għandhom bżonn biex jagħżlu ħajja aktar attiva u bilanċjata u b’hekk inkunu qed nibnu futur aktar b’saħħtu għal pajjiżna”, qal il-Ministru Grima..

Intant fl-attività li mmarkat il-bidu tat-tħaddim ta’ din il-miżura, wara li aktar kmieni din is-sena nfetħet sejħa pubblika għall-gyms madwar il-pajjiż kollu li xtaqu jissieħbu f’din l-inizjattiva, fil-Mediterranean College of Sport kien hemm programm ta’ attivitajiet ta’ work-outs u kompetizzjonijiet ta’ attività fiżika. Għalihom kien hemm Alex Eubank u Greg Doucette, żewġ persuni rinomati madwar id-dinja fil-qasam tal-attività fiżika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport