Sunday, December 22, 2024

Żieda fid-depożiti tar-residenti Maltin

… Irreġistrati inqas konvenji residenzjali u kuntrattti ta’ bejgħ

Aqra wkoll

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa’ kważi l-istess

Matul it-12-il xahar sa April, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa’ M3, żdiedu minħabba bilanċi ogħla li jappartjenu lill-familji u lill-kumpaniji mhux finanzjarji. F’Mejju n-numru ta’ konvenji residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ kienu inqas minn dawk tas-sena ta’ qabel. Dan irriżulta mill-aħħar aġġornament ekonomiku maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta li wera wkoll li l-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f’Mejju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħall-medja storika.

Minn dan l-aġġornamentt irriżulta li fix-xahar ta’ Mejju wkoll kien hemm żieda fl-indikatur tal-fiduċja ekonomika maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta. Madankollu, dan baqa’ taħt il-livell medju storiku. L-indikatur tal-aspettattivi tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi naqas u baqa’ taħt il-medja. L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha ħlief fis-settur tal-kostruzzjoni. L-akbar tnaqqis ġie mkejjel fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi. L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu pożittivi.

Il-qgħad baqa’ baxx

Barra minnhekk, f’April il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu fuq is-sena ta’ qabel. Il-qgħad baqa’ f’livell baxx minn perspettiva storika. Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali kienu inqas f’April meta mqabbla mal-livelli ta’ sena ilu.

Il‑kreditu lir‑residenti Maltin kompla jiżdied b’rata mgħaġġla, xprunat minn tkabbir fis‑self lill‑Gvern u lil setturi oħra. F’Mejju r‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet marġinalment għal 2.3%, filwaqt li l‑HICP li jeskludi l‑prezzijiet tal-enerġija u l‑ikel, baqa’ ferm inqas mill‑medja taż‑żona tal‑euro. Sadanittant, l‑inflazzjoni, skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), naqset għal 1.5%, l‑aktar rata baxxa sa minn Ġunju 2021. F’April, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit meta mqabbel ma’ sena qabel.

Ekonomija

Sport