Saturday, May 4, 2024

1,920 bidwi jibbenefika minn ‘ilma ġdid’ għat-tisqija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda taħdem fuq proġetti b’valur komplessiv ta’ aktar minn €30 miljun biex tkompli tespandi s-sistema ta’ New Water f’netwerk ġdida ta’ madwar 50 kilometru f’żoni rurali fejn hemm attività agrikola.

B’dan il-mod il-Gvern se jkompli jara li jwettaq il-wegħda politika tiegħu biex iressaq ilma riċiklat tajjeb għat-tisqija qrib il-bdiewa tagħna. Dan il-proġett li beda fit-Tramuntana tal-pajjiż, qed ikun estiż fin-nofsinhar ta’ Malta u anke fil-gżira Għawdxija. 

Is-suċċess ta’ dan il-proġett huwa n-numru ta’ bdiewa attivi li jibbenefikaw minn dan l-ilma – minn 174 bidwi attiv fl-2017 għal total ta’ 1,920 bidwi fl-2021 li qed jintlaħqu b’din is-sistema. Is-sena li għaddiet kien hemm 340 bidwi ġdid li bbenefika minn dan l-ilma.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC). 

Hija qalet li fis-sena finanzjarja 2021, il-Korporazjoni irreġistrat qligħ ta’ ftit iżjed minn €7 miljun. Riżultat li ddeskrivietu bħala “straordinarju” meta wieħed jikkonsidra ċ-ċirkostanzi li l-Korporazzjoni kellha taħdem fiha anke fid-dawl tal-pandemija.

“Rajna żieda eżorbitanti fit-trasport ta’ materjal u anke fl-ispiża tal-operat u spiża ogħla fil-manutenzjoni,” qalet il-Ministru Dalli filwaqt li għamlet referenza għall-investiment li l-Korporazzjoni qiegħda tagħmel fir-riżorsi umani tagħha.

Hawn semmiet kif fl-2021, il-WSC ikkonkludiet ftehim kollettiv maġġuri li jkopri 85% tal-ħaddiema tagħha, għall-perjodu 2019-2024. “Investiment ta’ ‘l fuq minn €17-il miljun fejn il-Korporazzjoni fi żmien ta’ inċertezza riedet tibgħat messaġġ ċar ta’ stabbilità lill-ħadiema li kienu, għadhom u jibqgħu ċ-ċavetta tas-suċċess tagħha.”

Il-Ministru Dalli qalet li matul is-sena 2021, il-WSC tat l-opportunità wkoll lil madwar 140 ħaddiem tagħha li jipprogressa fi ħdan il-Korporazzjoni. “Nemmen li Korporazzjoni b’saħħitha tfisser futur sabiħ għall-ħaddiema li jagħmluha.” 

Hija żiedet tispjega li “s-sena 2021 kellha impatt dirett fuq id-dħul tal-Korporazzjoni. L-ikbar impatt kien fuq il-konsum bir-rata domestika, tal-kirjiet. Impatt fuq l-aktar settur li tradizzjonalment irendi qligħ għall-korporazzjoni fejn ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 8% fuq is-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis sarraf f’impatt ta’ €2 miljun f’sena.”

Sport