Wednesday, April 24, 2024

ARA: “Għamilna dan kollu għal mara li qatt mhu se jkun hawn bħalha”

Ħanut bi klijentela u ħaddiema Ingliżi b’xandira diretta, posters u bnadar Ingliżi jagħtiha l-aħħar tislima

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Aktar kmieni, ir-Renju Unit u l-bqija tad-dinja, inkluż Malta, taw l-aħħar tislima lir-Reġina Eliżabetta II, l-aktar monarka li se tibqa’ mfakkra fl-Istorja. Mar-Re Charles III u l-membri rjali Ingliżi, għal dan il-funeral statali ngħaqdu mal-500 persuni distinti barranin fost l-2,000 mistednin inklużi politiċi, uffiċjali taċ-ċivili, personalitajiet magħrufa u għadd ta’ membri tal-pubbliku magħżula minn diversi għaqdiet. Ħafna mexxejja dinjin li ltaqgħu mar-Reġina tul is-70 sena li mexxiet il-familja rjali Ingliża u l-Commonwealth kienu fost dawk li rrappreżentaw 200 pajjiżi u territorji. Mentri fuq barra, eluf ta’ nies oħra segwew mit-toroq ta’ Londra u miljuni oħra raw ix-xandira diretta minn Westminiser Abbey fuq l-istazzjonijiet ewlenin barranin. 

YouTube video

Lokalment il-funeral tar-Reġina Eliżabetta II, li tul is-snin għamlet diversi żjarat f’Malta u kienet magħrufa għal kemm kienet tħobb lil pajjiżna, ukoll kien ta’ interess kbir. Fil-fatt, proprju biex jilqa’ għall-gosti u x-xewqa tal-klijenti tiegħu, “Jason’s Bar” f’San Pawl il-Baħar iddedika dan il-jum kompletament għal dan l-avveniment b’xandira diretta l-ġurnata kollha.

Dan is-sit iltaqa’ mas-sid ta’ dan il-ħanut, Jason Camilleri, li mill-ewwel qalilna li huwa ma setax ma jiddedikax dan il-jum lir-Reġina. Dan minħabba li kemm il-ħanut tiegħu, kif ukoll negozju ieħor li għandu, huma marbuta mal-Ingliżi. Jason, li huwa minn San Pawl il-Baħar stess, ilu b’ dan il-ħanut erba’ snin u kemm l-impjegati, kif ukoll il-klijenti tiegħu huma kważi kollha Ingliżi.

“Grazzi għar-relazzjoni li kellha r-Reġina Eliżabetta ma’ pajjiżna, illum il-ġurnata kulħadd għandu rispett enormi lejha. Għamilna dan kollu għal mara li qatt m’hu se jkun hawn bħalha. Għamlet ħafna magħna l-Maltin bħala poplu għax meta konna taħt l-Ingliżi hija kienet qisha l-Prim Ministru tagħna. Minn età żgħira Eliżabetta dejjem tat servizz kbir lill-poplu tagħha. Dejjem ħarset ‘il quddiem u ħadmet qatigħ. Ħalliet il-honeymoon meta missierhra bagħatha għal summit fl-Afrika li tulu huwa miet u hija ħadet postu. Ir-rwol tagħha f’dik l-età tant żgħira ma kienx wieħed faċli. Ħadd qatt ma jista’ jagħti s-servizz u d-dedikazzjoni li hija tat f’dawn is-70 sena,” spjega Jason.

“Mhix kwistjoni ta’ flus, iżda ta’ rispett”

“Ħadu din l-idea b’mod pożittiv ħafna. Tlett ijiem ilu bdejna nwaħħlu l-posters tar-Reġina Eliżabetta II u n-nies li bdew jgħaddu anke waqfu jieħdu r-ritratti. Il-klijenti regolari tagħna bil-kemm emmnu li se norganizzaw xi ħaġa bħal din u li kollha kemm aħna se niltaqgħu hawn biex insegwu flimkien il-funeral tagħha,” kompla bi tbissima Jason. 

Il-ħanut kien kollu bbukjat sew minn qabel. Dan kien imżejjen b’posters tal-aqwa ritratti tar-Reġina Eliżabetta II, liema posters mill-ewwel intalbu bħala tifkira mill-klijenti stess. Kif qalilna Jason stess, din l-attività ma kinitx kwistjoni ta’ flus, iżda ta’ rispett. 

Il-ħidma għal din l-attività li fiha kulħadd ta l-aħħar tislima tiegħu lir-Reġina Eliżabetta II bdiet minn kmieni filgħodu, fil-5.00 am, fejn Jason u l-impjegati tiegħu bdew iweħħlu wkoll il-bnadar. Ix-xogħol baqa’ sejjer sa filgħaxija sakemm spiċċat ix-xandira diretta. Sid dan il-ħanut qal li kemm għaliha, kif ukoll żgur għal ħafna nies oħra, il-mewt ta’ Eliżabetta hija “telfa kbira u ta’ dieqa. Dan  għax, tista’ tgħid, kważi kulħadd twieled magħha”. 

Mistoqsi jekk jaħsibx li s-suċċessur tagħha, ir-Re Chalres III, huwiex se jimla l-vojt li ħalliet ommu, Jason qal li, “le, żgur mhuwiex se jimla ż-żarbun tagħha. Daqs kemm ħadd ma mela tal-Papa Ġwanni Pawlu II li minkejja laħqu diversi papiet oħra warajh, ħadd ma verament mela l-vojt tiegħu. Nittama li r-Re Charles jimxi fuq il-passi t’ommu. Personalment, minħabba dak li ġara lil Diana u anke għall-fatt li ma naqbilx mal-mentalità antika li dejjem irid jilħaq l-ixjeħ, xtaqt li jkun William ir-re l-ġdid tar-Renju Unit. Kemm se jdum u x’se jilħaq jagħmel Charles? William għadu żgħir, mimli enerġija u għandu ideat ġodda. Nemmen li seta’ jressaq lill-ġenerazzjoni l-ġdida aktar viċin tal-monarkija Ingliża.” 

Sport