Waqt il-ftuħ uffiċjali ta’ Playcon, l-expo dwar video games u esports li qed tittella’ fl-MFCC, f’Ta’ Qali, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri sostna li dawn in-niċeċ ekonomiċi qed iħallu l-frott mixtieq f’pajjiżna.
“Dawn in-niċeċ ekonomiċi ġodda f’pajjiżna bdew minn strateġija li nedejna fl-2019, strateġija ambizzjuża, iżda li emminna fiha u ħdimna biex issir realtà. Playcon, li hija mtella’ bl-appoġġ ta’ Gaming Malta u li fiha hawn esebiti l-kumpaniji lokali u barranin f’dawn is-setturi, hija prova li din l-industrija tinsab f’pajjiżna u qed tħalli l-frott mixtieq. L-għan tagħna jibqa’ li naraw lil dan is-settur jikber għal 1% tal-GDP sal-2028,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
“Għax nemmnu li l-possibiltajiet għal pajjiżna huma kbar, is-sena d-dieħla, f’dan is-settur se nkunu wkoll qed inwaqqfu Kunsill għall-Media Interattiva, immexxi minn Gaming Malta, taħt il-Ministeru għall-Ekonomija. L-għan ta’ dan il-Kunsill se jkun li jagħti pariri ta’ livell għoli, filwaqt li jżomm kuntatt bejn is-settur privat u l-entitajiet governattivi f’dan is-settur,” ħabbar il-Ministru Schembri.
Minbarra l-aspett ta’ divertiment li hi Playcon, ma jonqosx il-lat edukattiv li jispjega l-impjiegi varji li din l-industrija tirrikjedi. Fil-fatt, illum u għada, Playcon se tkun miftuħa għall-istudenti minn 20 skola differenti minn madwar Malta u Għawdex, fejn aktar minn 3,000 student mistennija jattendu.
Fost l-esibituri hemm ukoll istituzzjonijiet edukattivi ewlenin f’pajjiżna li qed juru l-korsijiet li joffru f’dawn l-industriji. Dan kien possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Playcon din is-sena se tkun akbar minn qatt qabel u minbarra n-numru ta’ prodotti u servizzi innovattivi fl-industrija tal-video games u esports se jkun hemm ukoll għaxar kompetizzjonijiet. Din is-sena hemm ukoll numru ta’ esibizzjonijiet b’teknoloġiji rivoluzzjonarji bħal VR u AR.
Playcon se tkun miftuħa b’xejn nhar is-Sibt u l-Ħadd bejn l-10.30am u s-18.30.