“Erġajt qiegħed nikkanvassja jien.” Kif kont se ngħidlu kemm jgħodd, donnu induna x’se nistaqsieh u qalli: “llum 87 sena”. Jieqaf għal ftit. ‘Dejjem bqajt attiv fil-politika. Ma waqaft qatt. Issa se tikkontesta t-tifla tat-tifla, allura llejla nkomplu nħabbtu l-bibien.” Nieqfu għal ftit u imbagħad jgħidli “batiet il-familja tiegħi meta konna fl-Oppożizzjoni. Hija Lino bata, ħuti batew u missieri bata.” Ikompli, missieri kien jeħodna l-meetings ta’ Mintoff fil-ħamsinijiet. Bata għax ingħata 61 trasferiment”.
Hekk irrakkonta l-politiku Joe Debono Grech, meta fl-aħħar jiem tkellem magħna dwar ħajtu u dak li għadda minnu. Joe, hu politiku marbut ma’ Birkirkara u l-Partit Laburista. Politiku b’karriera twila, fejn dejjem spikkat il-ħbiberija kbira li kellu mal-Perit Mintoff.
“Birkirkara hi parti minni…minn hemm ma niċċaqlaqx…
…twelidt f’Birkirkara biex inkun nista’ nsir Kanonku”
Joe jgħidli “jien twelidt Birkirkara. Riduni nsir Kanonku, għax dak iż-żmien kull familja ried ikollha qassis għax hekk kienet id-drawwa. Konna seba’ aħwa. Jien kont se nitwieled Santa Venera u kieku ġara hekk ma stajtx insir Kanonku għax kont inkun twelidt barra Birkirkara. Biex issir Kanonku f’Birkirkara trid tkun minn Birkirkara. Kelli in-nannu, missier ommi u dak kien joqgħod Birkirkara fejn is-suq tar-raħal jiġifieri t-triq fejn joqgħod Eddie Fenech Adami. Allura ġimagħtejn qabel twelidt niżżluni Birkirkara u bqajt noqgħod hemm sakemm kelli 15 il-sena. Kont ngħix man-nannu u nanna. Għext f’Birkirkara u sa llum għadni ngħix hemm. Birkirkara hi parti minni. Jien ma noħroġx biex noqgħod x’imkien ieħor barra minn Birkirkara. Kont noqgħod f’żewġ ikmamar u offrewli djar kbar. Minn Birkirkara ma noħroġx. Kbirt f’Birkirkara. It-tfulija għaddejtha fil-qalba tar-raħal, is-suq tar-raħal ‘l fuq. Is-suq tar-raħal jiġifieri strada reali għax peress li kien jarma s-suq hemm konna ngħidulu s-suq tar-raħal.”
“Id-drapp tal-libsa tal-praċett
kont iġġibu fil-kupuni”
Joe Debono Grech jgħidilna li “mort skola San Alwiġi u bqajt tiela’. Ħdimt ħafna u għadni naħdem f’Birkirkara. Jien tweldit fil-gwerra. Meta spiċċat kelli ħames snin. Dak iż-żmien li llum ħafna ma jiftakrux u ma jafux hu li biex tagħmel il-libsa tal-praċett kien hawn il-kupuni. Bihom kont iġġib id-drapp. Wara li spiċċat il-gwerra, niftakar ġabuli il-libsa tal-praċett bil-kupuni.”
Ikompli jirrakkonta li “billi kienet il-gwerra il-praċett għamilnieh fl-Oratorju. Kienet xi ħaġa differenti mil-lum. Ma kienx hawn il-parties li għandna llum. Kont tieħu l-kafe. Kien hemm ħanut il-pjazza, kont tieħu l-Kukkudina u tiħu biskuttin ta’ Malta u tmur lura lejn id-dar u jagħmlu festin bejn tal-familja.”
Missieri kien iħobbu ħafna lil Mintoff…
…f’Birkirkara konna it-tieni każin Laburista li appoġġjajna lil Mintoff
Jisħaq li “jien minn dejjem kelli xewqa li insir qassis. Inqala’ li inqala’ u ma komplejtx. Fl-1958 dħalt fil-politika. Il-familja kienet dejjem fil-politika. Missieri kien Segretarju tal-Każin tal-Labour f’Birkirkara u fil-qasma bejn Boffa u Mintoff, jien kont inkun dejjem ma’ missieri. Kont għadni żgħir fl-1949. Jien dejjem niġri ma’ missieri. Kienet ġlieda bejn Boffa u Minntoff. Saret votazzjoni u ġew indaqs u wara Mintoff għaddieh b’vot. Missieri dejjem kien ma’ Mintoff, għax lil Mintoff għalkemm kien Deputat Mexxej, kien jammirah. F’dik il-ġlieda kien hawn inkwiet bejn il-każini. Min sejjer ma’ Boffa u min ma’ Mintoff. Birkirkara kellek it-tieni każin wara l-Imsida li mar ma’ Mintoff. Kien hemm elezzjonijiet u damu sejrin. Iltaqgħu tlett darbiet wara xulxin għax dejjem jiġu indaqs u wara qalbu ma’ Mintoff. Missieri kien iħobbu ħafna lil Mintoff u kien ħabib ħafna miegħu.”
“Missieri kien jieħu l-familja kollha l-meetings biex nidhru ħafna…
…qala’ 61 transfer …l-aktar li weġġgħu transfer lejn Għawdex”
Jgħidilna li “jien trabbejt fil-politika għax bejn is-sena 1949 sakemm tlajna fil-Gvern, elezzjonijet ġejjin u elezzjonijiet sejrin. Meta irbaħna fis-sena 1955, jien kont kbirt. Niftakar missieri kien laqqgħani ma’ Mintoff u konna nmorru l-meetings ta’ Mintoff. Missieri kien jieħu l-familja kollha. Għalfejn? Biex nidhru ħafna. Kien jerfagħni fuq spallejh lili u kien jgħidli malli Mintoff jgħid għollu idejkom, għollihom it-tnejn ħalli nidhru ħafna. Bata ħafna wara. Għax wara s-sena 1955 ma kienx hawn transfer li ma laqqtux. Qala’ 61 tranfser. L-aktar li weġġgħu kien meta bagħtuh Għawdex.”
“Dak iż-żmien fil-ħamsinijiet, kif qala’ t-trasferiment għal Għawdex, hu iddeċieda li jtella’ l-familja f’Għawdex. Dak iż-żmien biex ittella’ l-karozza f’Għawdex kont trid tħallas Lm10 u dawk kienu flus. Kont ridt iġġib barkun biex jirmunkaw il-karozza għal fuqu flimkien ma’ xi tnejn oħra. Tlajna Għawdex, irranġa biex inmorru l-iskola u kera dar. U meta waslet biex tibda’ l-iskola, reġa’ irċieva trasferiment għal Malta. Lil ommi qalilha issa ma nistgħux inċaqilqu lit-tfal. Kien jagħmel sagrifiċċju. Kien jitla’ kuljum Għawdex u jinżel kuljum biex aħna bqajna skola Għawdex.”
“Reġa’ ingħata trasferiment għal Għawdex…
…lil missieri konna ingawduh biss is-Sibt filgħaxija”
Jiddikjara li “meta spiċċat l-iskola inżilna Malta. Niftakar tlett ġimgħat qabel bdiet l-iskola, jiġi l-Pulizija iħabbat il-bieb. Kellu trasferiment għal missieri biex imur jaħdem Għawdex. Din id-darba ma reġax tella’ l-familja. Għamel tlett snin tiela’ u nieżel Għawdex waħdu. Mit-Tnejn, sas-Sibt. Jekk jidħol tard kienu jissospenduh u allura kien jitla’ l-Ħadd filgħaxija u jgħix waħdu. Il-missieri f’dawn it-tlett snin konna ingawdujh is-Sibt filgħaxija biss.”
Itenni li “għadda ż-żmien u tlajna fil-Gvern. Missieri kien ‘Health Inspector. Suppost kien Senior Health Inspector imma dejjem kienu jaqbżuh. Biex daħal Health Inspector kien għamel l-eżami u hu kien jaħdem l-exchange ir-Rabat. Kien għamel l-eżami għal Health Inspector u ġie l-ewwel. Ommi niftakar li kienet titla’ bil-mixi kuljum ir-Rabat. U darba kienet tiela’ il-mara tal-gvernatur Dobbie u waqfitilha. Kien hemm hija Lino ukoll. Tellgħetha fil-karozza u qaltilha kuljum narak tiela’. Spjegatilha li għandha r-raġel jaħdem l-exchagne u titla’ ħdejh. Dan fil-gwerra. Semmitilha li kien għamel l-eżami għal Health Inspector fejn kien ġie l-ewwel u ma daħħluhx. Meta semgħet hekk, qaltilha għamilli ittra mhux f’ismu għax meta tkun mal-gvern ma tistax tikteb inti. Qaltilha l-ittra tiha lili. Hi minn naħa tagħha dik l-ittra għaddietha lir-raġel tagħha li kien il-Gvernatur. Bagħtat għalih il-gvernatur. Fehmu l-istorja u qallu minn meta għamilt l-eżami sa llum inti Health Inspector. Qallu imma għamlilna pjaċir u tiċċaqlaqx mill-Exchange għax kienet il-gwerra u kellhom bżonn. Jitilgħu in-Nazzjonalisti u ma tawh qatt il-promozzjoni.”
Il-kwistjoni ta’ missieri tqum fil-Parlament…
…’hekk irrid poġġi bilqiegħda’
Joe Debono Grech ikompli jgħidilna li “nitilgħu fil-gvern fis-sena 1971 u kien hemm Consiglio tal-GWU u konna qegħdin nitkellmu u qalli lil Hyzler qatt ma kellimtu? Għedtlu ma’ kellimt lil ħadd. U mort u Consiglio lil Hyzler qallu dan il-muntun jiġi għan-nies u għal missieru ma ġiex. Spjegajtlu x’kienet il-kwistjoni. Qalli għada għidlu jiġi. Qalli għandna diffikulta għax ma kienx hemm ‘seniority’. Għedtlu iva hemm ittra. Sibniha l-ittra. Kienu niżżlu l-fajls fejn illum hemm is-sala tal-Mediterran. Ħadthielu u qallu Karm minn din id-data se tkun bil-kariga ta’ Senior Inspector. Missieri qallu li ma tiswiex issa għax trid tagħmel sena f’dik il-pormozzjoni. Hyzler qallu biex ma jinkwetax għax issa kien se jirranġa kollox hu. Ġara li konna fil-Parlmaent u l-Ministru Bertu Hyzler ġie fuqi u qalli issa inti titkellimx għax se jqajmuhieli ta’ missierek fil-mistoqsijiet. Hekk ġara, kien qajjimha, Muscat tar-Rabat, missier Pierre. Dan beda jgħidlu għamilt lil dan Health Inspector. Hyzler staqsieh jekk kienx lest mid-domanda u kif qallu li kien lest, Hyzler staqsieh min hu fil-gvern. Muscat qallu mhux intom. Hyzler staqsieh min hu l-Ministru u Muscat qallu mhux inti. Staqsieh min għamlu u Muscat qallu mhux inti. F’dan il-mument, Hyzler wieġbu ‘hekk irrid poġġi bilqiegħda.’ Hekk irraġuna”, qalilna Joe Debono Grech.
“Għamilt żmien ma naħdimx minħabba l-politika…
…sibt xogħol u kif saru jafu min jien riedu jwaqqfuni”
…għamilt tlett ijiem l-isptar taparsi marid ħalli tgħaddi l-probation
Ikompli jgħidilna li “għamilt żmien ma naħdimx minħabba l-politika. Spiċċajt niġri minn hawn għal hemm u ma jimpjegawkx. Kont se niżżewweġ u kont sejjer l-Ingilterra. Kelli kollox lest u Censu Espostito kien ilu jaħdimli. Qalli sibtlek xogħol, u qalli mur għand dan u għaddhieli kuntatt. Mort il-Ġimgħa u s-Sibt kont se niżżewweġ. Qalli għandna bżonn wieħed. Qalli tibda għada. Mort għand il-mara gheditlha sibt dan ix-xogħol, bi ħlas ta’ Lm4 u ħames xelini fil-ġimgħa. Il-mara qaltli li jekk inmorru l-Ingilterra ma nafux x’se nsibu. Kelli xogħol lest hemmhekk u dan kien sabuli hija. Bqajna hawn. Kont daħħalt in-nies fl-union. Censu Esposito, kien qalli iddaħħalhomx fl-union għalissa. Ġara li kif f’dan il-post tax-xogħol indunaw min jien, riedu jwaqqfuni. Kien hemm wieħed Caruana li kien fil-bord u bagħat għalija. Qalli għandna l-inkwiet għax qaluli biex inwaqqfuk. Kont għadni m’għalaqtx is-sitt xhur. Qalli għamilli pjaċir u tidħolx illum. Qalli mur l-isptar taparsi qed juġgħak x’imkien u tiċċaqlaqx minn hemm qabel tlett ijiem. Hu qalli dan biex b’hekk jaqbżu is-sitt xhur. U mbagħad hu lil bord jgħidilhom li ma sabnix għax kont marid. Għaddew it-tlett ijiem.u ma setgħux ikeċċuni għax kienu qabżu is-sitt xhur. Kieku keċċewni ma nafx x’kien jiġri minni”.
“Għalija l-GWU u l-Partit Laburista
huma ħaġa waħda”
L-eks Ministru Laburista jgħidilna li “spiċċajt minn hemm u ġejt Segretarju tal-GWU. L-ewwel kont Għawdex u mbagħad f’Malta. Ħdimt. Jien għalija l-GWU u l-Partit Laburista huma ħaġa waħda. Għax kieku ma kinitx l-union m’għandniex il-partit, u kieku ma ‘kienx il-partit m’għandniex union b’saħħitha. Għalija l-GWU hi kollox. Għalija l-moviment tal-ħaddiem hu l-GWU u l-Partit Laburista. Li ma kinitx l-union u l-partit, il-ħaddiem m’għandu xejn. Meta konna fil-Gvern kien hemm l-union u l-partit fil-gvern. Il-programm tas-sena 1971 għamluh l-partit u l-union. Kieku llum il-ħaddiem la għandu l-40 siegħa u m’għandu xejn.”
“L-ewwel darba ħriġt fuq Għawdex….daħħluni fuq
Birkirkara ukoll għax ma kellhomx biex jgħaqqdu ħames kandidati”
Jgħidilna li “niftakar fis-sena 1966 fejn ma kellniex min joħroġ fuq Għawdex, ħlief lil Kelinu u Anġlu Camilleri. Fl-Eżekuttiv, Mintoff qal min ħiereġ. Mintoff qal min ħiereġ fuq Għawdex u jien għedtlu li kont se nikkontesta fuq Għawdex. Qalli issa tista’ tgħidli lilek min jafek Għawdex? Għedtlu lili ma jafni ħadd. Imma għedtlu biex se naħdmu, tnejn biss għandna fuq Għawdex. Qalli mela hu ħsieb Għawdex. Mort u bdejt nsib il-kandidati. Issa kandidati, biha b’kollox lanqas daqs lazz ta’ żarbun ma konna niswew. Għedtu li hemm bżonn jitla’ Anton Buttiġieġ magħna biex ikollna xi ħadd b’saħħtu. Kont ngħid lil Danny Cremona biex jitla’ u kont anke intella’ lil Agatha Barbara. Dan kien biex nagħmlu l-meetings. Ġieli għamilt ħmistax il-meeting f’Għawdex niġri minn hawn għal hemm. Iltqajt mal-mara dak iż-żmien. Il-mara kienet tiġi Malta għax missierha kien itella’ lil Mintoff bil-karozza. Iltqajna 14 u kellna ieħor perit mill-Għarb. Kien tajjeb dan u konna ngħidu għal inqas għandna tlieta tajbin. Dan imma kien miet u għidt issa miet dan. Ġara li imbagħad ċempilli Zerafa u qalli jien niżżiltlek ismek Birkirkara. Qalli tkellimt ma’ missierek u rranġajna kollox, għax ma kellniex biżżejjed kandidati biex ngħaqqdu ħames deputati. Ħriġt ukoll fuq Birkirkara.”
Jenfasizza li “ġibt 18 minn Għawdex u 450 minn Birkirkara. Tellajna tnejn. Tellajna wieħed minn Għawdex u kważi ermejna wieħed. Ħriġt sodisfatt għax Birkirakra tellajna tnejn, mhux bis-saħħa tiegħi imma bix-xogħol li għamilna. Dak li tlifna minn Għawdex, ġibnieh ukoll u tellajna deputat. Jien kont iddeċidejt li ma nikkontestax aktar. Konna qegħdin nieklu u l-perit qalli tnejn u għoxrin deputat tajjeb. Qalli issa irridu naħdmu għal li ġej. Għedtlu iva, Għawdex u Birkirkara. Qalli issa inti itfa’ rasek Birkirkara għx irridek titla’. Għedtlu jien mhux ħiereġ. Qalli iddeċidejna inti se toħroġ. Spiċċajt ħriġt fuq Birkriara u tlajt. Bqajt naħdem fuq il-politika. Batiet il-familja tiegħi meta konna fl-Oppożizzjoni. Hija Lino bata, ħuti batew u missieri bata.”
“Fl-interdett il-qassis ma riedx
li ommi tivvutali…kienet inkwetat”
Ikompli jgħidilna li “fl-interdett, il-qassis ma kienx iberkilna. Kien jaqbiżna. Ommi kienet tinkwieta miskina. Kienet tgħid x’biċċa ġratilna. Il-qassis lil ommi kien qaltilha lil min se tivvota fl-elezzjoni. Qaltlu mhux lit-tifel. Staqsiha it-tifel ma’ min kien se jikkontesta. Qaltlu mal-Labour. Qalilha ma tistax. Qaltlu ma nistax nivvota lit-tifel, mela lil min nivota lilek. Ħassitha hu. Batejna. Imma batejna għal kawża li hi tajba. Kollha bqajna naħdmu. Maż-żmien ħarġet it-tifla għall-kunsill, u bil-ħidma tagħha ħadna l-kunsill darbtejn. Din id-darba tlifnieh għal ċertu ċirkostanzi imma xorta għandna sitt kunsillieri. Kien hemm Laburisti ħarġu jivvotaw in-numru wieħed u waqfu. L-aħħar elezzjoni ħdimt ħafna imma għallinqas mhux taħt tensjoni. Issa għedt ħa nieqaf. U issa ivvintat it-tifla tat-tifla. Bagħat għalija Robert , qalli irrid ikolli wieħed Debono Grech. Kont se ngħidlu xi ħaġa u qalli issa toqgħodx tagħmilli hekk. Dar fuq in-neputija Yana u qalilha inti x’taħseb?. L-oħra, qaltli għamel daqshekk għalina il-Partit se ngħidulu le. Għedtilha inti taf. Issa biex ħarġet din kienet skala 5 mal-Gvern jiġifieri ma tistax tikkontesta. Niżlet skala 6 u dan kien ifisser li tilfet €1,900 fis-sena apparti bonuses. Qaltli nannu, il-partit għamel ħafna magħna u miegħek. Se ntuh xi ħaġa lura.”
Ikompli

