Tuesday, April 23, 2024

BEJGĦ TA’ GAZZETTI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur u snin, jidher li xejn ma nbidel fil-bejgħ ta’ gazzetti stampati. Baqa’ jmajna. Ħwienet li qabel kienu jbigħu gazzetti qatigħ, jew għalqu jew biddlu n-natura tan-negozju tagħhom. Jekk kienu jagħmlu dal-bejgħ biss min-negozju tagħhom, fehmu li m’hemmx prospetti għalihom.

Ġara hekk mhux f’Malta biss imma kull fejn tmur.

Sadattant, min jipproduċi l-gazzetti u l-ġurnalisti li jimpjega qed jagħmlu sforzi erojċi biex jibdlu l-prodott li jbigħu. Minflok tixtrih f’ħanut bħala karta stampata, tħallas miżata u tkun tista’ tniżżel il-gazzetta mill-kompjuter tiegħek. X’aktarx li l-abbonament jiġi irħas mill-prezz tal-gazzetta tal-karta li kont tixtri qabel.

Hemm qarrejja li qed jaqilbu jew qalbu għal dis-sistema. Veru li tagħtik aċċess għal informazzjoni u kummenti b’mod ħafna aktar estensiv u immedjat milli tagħmel gazzetta stampata. Xorta waħda, hemm xi ħaġa fis-sistema bl-internet li ma tinħassx eċitanti u awtentika daqskemm kienu jinħassu l-gazzetti stampati.

TATOOS

Niftakar żmien meta fost ħafna familji, it-tatoos kienu mitqiesa bħala xi ħaġa li l-baħrin jagħmlu biex ifakkru fil-portijiet differenti fejn kienu, u li n-nies vulgari jagħmlu biex jikkopjaw lill-baħrin. Dwar hekk, l-affarijiet inbidlu għalkollox.

Ħabib qalli li t-tatoos ma baqgħux moda fost il-baħrin, imma saru moda għall-bqija tal-poplu. Tal-popli kollha, wieħed irid jgħid. Mhux talli ma jitqisux volgari, talli huma parti mill-ethos artistiku ta’ żgħażagħ u anqas żgħażagħ – mod kif jesprimu l-personalità tagħhom.

Fil-verità, din mhijiex xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel fil-ħajja tal-bniedem. F’ħafna soċjetajiet u tribujiet imbiegħda it-tatus kienu u għadhom mitqiesa bħala forma ta’ dekorazzjoni jew aktar minn moda, jintużaw f’ċerimonji ritwali li jimmarkaw fażijiet ewlenin fil-ħajja tal-bnedmin.

Ħaġa waħda tibqa’ ċara: it-tatus qatt ma kienu popolari daqs illum.

IMGĦAXXIJIET

Ir-rati ta’ imgħax fl-Ewropa telgħin, bl-insistenza tal-Bank Ċentrali Ewropew, li qed jagħmel minn kollox biex jeqred l-inflazzjoni. Dan qed iwassal lill-banek u istituzzjonijiet finanzjarji bħalhom biex jgħollu l-imgħax fuq is-self li jsellfu.

Wara l-aħħar snin “twal” li matulhom l-imgħaxijiet kienu kważi xejn, il-banek qed jieħdu n-nifs għax żdidilhom sew id-dħul mis-self li ħarġu. Anqas hienja huma l-gvernijiet, speċjalment dawk li jġorru djun kbar. Il-piż tal-imgħax fuq id-djun tagħhom qed jerġa’ jagħfas.

Sadattant, hemm il-kwistjoni tad-depożiti miżmuma fil-banek miċ-ċittadini. Dawn ukoll fl-aħħar snin, kienu qed jiġbdu ftit li xejn f’interessi fuq il-flejjes tagħhom depożitati mal-banek.

Issa li l-istorja nbidlet daqstant, fuq id-depożiti l-banek reġgħu bdew iħallsu l-interessi. Imma dawn jirriflettu b’mod ġust iż-żieda fl-imgħax kif qed jidderiġiha l-Bank Ċentrali Ewropew?

Sport