Raġel ta’ 22 sena residenti l-Belt Valletta kien arrestat wara li fil-pussess tiegħu nstabu numru ta’ qratas b’sustanza suspettata kokaina u eroina flimkien ma’ pakketti bi droga suspettata ħaxixa tal-kannabis.
Waqt kontrolli tat-traffiku li saru l-Ħadd waranofsinhar, fi Triq Giuseppe Garibaldi, Raħal Ġdid, il-Pulizija nnutaw vettura li kif ix-xufier tagħha lemaħ lill-Pulizija, saq b’lura f’daħla ta’ għalqa u twaqqaf.
Minnufih l-uffiċjali resqu lejn il-vettura, bix-xufier qalilhom li huwa ma kellux liċenzja tas-sewqan.
Minħabba suspett raġjonevoli, saret tfittxija fil-vettura, fejn il-Pulizija sabet żewġ pakketti bi droga suspettata ħaxixa kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Sussegwentament waqt li l-uffiċjali kienu ser jagħmlu tfittxija fuq ir-raġel, huwa ħareġ żewġ boroż li kienu moħbija fil-qalziet u waddabom f’ġiebja li kienet biswit l-għalqa. Dawn immedjatament inġabru mill-pulizija, fejn fil-boroż instabu numru ta’ qratas b’sustanza bajda u kannella suspettati kokaina u eroina.