Sunday, December 22, 2024

Bernard Grech b’attakk sottili fuq l-Arċisqof Scicluna

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li ta fil-Mosta għamel attakk sottili fuq l-Arċisqof Charles Scicluna. Mistoqsi mill-Editur ta’ MaltaDaily Keane Cutajar xi jwieġeb dwar il-kritika li l-Arċisqof għamel fuq l-Oppożizzjoni, Bernard Grech wieġeb li kien il-Partit Nazzjonalista li qed jiddefendi l-interessi tan-nies tan-Nadur li se jkunu qegħdin jispiċċaw bla djarhom.

Dan il-kumment li għamel Bernard Grech hu meqjus bħala botta sottili fuq l-istess Arċisqof dwar dak li wettaq fir-rigard il-Fondazzjoni Abbazia di Sant’Antonio delli Navarra. Hu kien ċeda li jinnomina rettur għall-Abbazia u għalhekk diversi familji jinsabu f’riskju li jitilfu djarhom.

L-Arċisqof Scicluna dwar l-Oppożizzjoni kien qal li din mhux qed tkun effettiva. Għal dan Bernard Grech qal li hu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Oppożizzjoni qed taħdem b’mod tajjeb ħafna. Sostna li wieħed għandu jirrispetta l-istil ta’ kif wieħed imexxi.

Meta ġie mistoqsi dwar l-għażla tal-President tar-Repubblika, Bernard Grech qal li s’issa l-Prim Ministru għadu ma bgħatx għalih biex jibdew jiddiskutu min għandu jokkupa din il-kariga. Hekk kif ġie mistoqsi dwar x’isem se jkun qiegħed iressaq biex jieħu din il-kariga u naqas milli jagħmel dan għax sostna li din hija informazzjoni kundifenzjali li għad trid tiġi diskussa mal-Prim Ministru. Il-ġurnalista staqsa dwar l-isem ta’ Helena Dalli u dwar jekk il-Partit Nazzjonalista jaqbilx ma’ din il-persuna biex tieħu din il-kariga. Bernard Grech qal li hu mhux se jitkellem dwar din il-persuna għalkemm għandu opinjoni dwarha.

L-editur ta’ MaltaDaily staqsa wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-e scooters u x’inhi l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan kollu. Bernard Grech qal li l-e scooters jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni biex tissolva l-problema tat-traffiku. Sostna li l-Gvern minn opportunita tajba għamilha f’xi ħaġa ħażina minħabba nuqqas ta’ pjanar. Grech qal li meta l-Partit Nazzjonalista se jkun fil-Gvern se jkun qiegħed jirranġa din is-sitwazzjoni u l-ewwel ħaġa jara li jkun hemm parkeġġ fejn wieħed jipparkja l-e scooters. Qal ukoll li jagħmel ħafna infurzar dwar l-e scooters.

Meta imbgħad ġie mistoqsi dwar miżuri li jdaħħal l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern biex tissolva l-problema tat-traffiku, qal li kieku ma jinqalx kullimkien f’daqqa, apparti li l-poplu kollu għandu jkun informat meta tkun se tingħalaq triq.

Reġa’ semma li bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jkun qiegħed joffri somma flus lill-familji li jċedu l-karozzi tagħhom u jagħmlu numru ta’ snin ma jistgħux jixtru waħda.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġie mistoqsi wkoll dwar l-akkużi kontinwi li qegħdin isiru li għal numru ta’ snin il-Partit Nazzjonalista ma ppreżentax l-accounts tiegħu kif stipulat mil-liġi. Grech qal li din hija “non issuee”. Sosnta li l-Partit Nazzjonalista kien għaddej minn żmien diffiċli mal-awdituri u issa, skont il-kelliem il-Partit għandu awditur ġdid u meta jlesti r-rapport se jkun qiegħed jippreżenta l-accounts kif suppost.

Ekonomija

Sport