Il-Gvern laħaq ftehim ġdid għal għajnuna finanzjarja għat-trobbija u taħriġ ta’ klieb li jagħtu servizz lil persuni vulnerabbli
Intervista mal-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju Julia Farrugia dwar dak li sar fis-settur fl-ewwel xhur tal-leġiżlatura Laburista l-ġdida. Tħabbar li fil-jiem li ġejjin se titwettaq wegħda oħra elettorali għall-benefiċċju ta’ persuni vulnerabbli u dawk b’diżabilità
- L-ewwel abbozz ta’ liġi li tressaq quddiem il-Parlament kien proprju tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat biex tkun assigurata in-non diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità. Għaliex dawn l-emendi kienu importanti? X’differenza se jagħmlu għal persuni b’diżabilità?
Sfortunatament, meta ħafna nies jisimgħu l-kelma ‘diżabilità’, jaħsbu mill-ewwel fin-nuqqas li jista’ jkollha persuna. Dan isir kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna. Id-diżabilità hija xi ħaġa li noħolquha aħna. Hija dak li jiġri meta persuna li jkollha nuqqas jew kundizzjoni medika, bħal pereżempju, nuqqas ta’ dawl, tiġi mċaħħda minn aċċess daqs ħaddieħor fil-ħajja ta’ kuljum. Dan jista’ jiġri, pereżempju, minħabba li binja ma tħallix li tidħol fiha persuna li tuża siġġu tar-roti. Jew inkella, minħabba l-fatt li website tal-Gvern ma taħdimx ma’ software li tuża persuna nieqsa mid-dawl, li jaqralha dak li jkun hemm fuq il-website.
Persuna jkollha diżabilità għaliex, b’dak li nagħmlu bħala soċjetà, jew b’dak li nonqsu li nagħmlu, inkunu qed niddiżabilitaw l-aċċess indaqs tagħha għall-ħajja ta’ kuljum.
Fl-aħħar snin, ħadna ħafna passi sabiex jiżdied l-aċċess f’oqsma differenti tal-ħajja, bħal fuq il-post tax-xogħol, fil-kura tas-saħħa, u f’attivitajiet kulturali li jorganizza l-Istat. Nedejna wkoll skemi ta’ fondi, biex nappoġġjaw inizjattivi li għandhom dan l-istess għan, b’rabta mal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, li konna nedejna fl-2021. Saħħaħna inizjattivi bħall-assistenza personali, li permezz tagħhom persuni b’diżabilità jista’ jkollhom l-appoġġ meħtieġ biex jinnavigaw il-ħajja ta’ kuljum. Però, biex inbiddlu l-atteġġjamenti, ma hemmx post aħjar sabiex issir dikjarazzjoni dwar l-istatus indaqs ta’ dawn il-persuni, milli fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Għalkemm il-barrieri soċjali mhux se negħlbuhom kollha għada, sadattant, irridu nirrikonoxxu l-fatt illi din il-kategorija ta’ persuni, illi nħolqot minħabba oppressjoni storika, qiegħda fuq l-istess livell, u għandha jedd għall-istess drittijiet u libertajiet fundamentali tal-bniedem, daqs kull persuna oħra. L-emendi fil-Kostituzzjoni jikkonfermaw dan il-fatt, bl-iswed fuq l-abjad. Għalkemm l-emendi jiffaċilitaw ukoll il-possibbiltà illi persuna tfittex lill-Istat meta jkun kawża tal-kontinwazzjoni fis-seħħ ta’ ċerti barrieri soċjali, l-għan aħħari hu li jkollna punt ta’ referenza. Punt ta’ referenza li permezz tiegħu, il-persuni b’diżabilità jkunu rikonoxxuti fl-ogħla livell, u biex abbażi ta’ dan, inkomplu bil-ħidma tagħna, flimkien ma’ dawn il-persuni, lejn inklużjoni aktar sħiħa fis-soċjetà f’Malta u f’Għawdex.
- Wegħda oħra tal-Manifest Int Malta li ġiet imwettqa titratta il-ħlas li jingħata lil dawk iż-żgħażagħ li jagħmlu volontarjat barra mill-pajjiż. Kemm hija din iż-żieda? Bejn wieħed u ieħor kemm qed imorru żgħażagħ fuq volontarjat barra l-pajjiż? U għaliex temmen li esperjenzi bħal dawn huma importanti għall-voluntiera nfushom?
Waħda mill-isbaħ esperjenzi tal-ħajja hi meta wieħed jagħmel volontarjat barra l-pajjiż. Meta snin ilu kont għamilt xahar naħdem fil-missjoni ma’ tfal bl-HIV u l-AIDS kienet esperjenza straordinarja li bħala individwu saħħitni. U verament nixtieq li nara li ħafna aktar żgħażagħ Maltin imissu ma’ din l-esperjenza ta’ faqar, valuri u esperjenzi li ġġorrhom miegħek tul ħajtek kollha.
Ridt nara li fl-ewwel 100 jum ta’ din il-leġisltarura nwettqu wegħda oħra mill-manifest elettorali. Il-Youth Voluntary Overseas (YVO) hija skema tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) li tagħti opportunità lil żgħażagħ Maltin u Għawdxin sabiex jesperjenzaw il-volontarjat lil hinn minn xtutna, filwaqt li jkunu mgħejjuna finanzjarjament f’din l-esperjenza. Din is-sena l-iskema ġiet imsaħħa b’mod sinifikanti proprju ħalli aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jieħdu dan il-pass u jesperjenzaw il-valur tal-volontarjat f’kuntesti differenti minn dawk li mdorrijin bihom.
Waħda mill-aktar bidliet importanti hija ż-żieda fl-għotja ta’ kuljum. Filwaqt li qabel il-voluntiera kienu jingħataw €15 kuljum, din issa żdiedet għal €30 kuljum, jiġifieri ġiet irduppjata. Fl-istess waqt, il-massimu eliġibbli tal-għajnuna finanzjarja żdied minn €2,500 għal €3,650. Dan ifisser li l-appoġġ finanzjarju disponibbli żdied b’mod sostanzjali u jagħmilha aktar faċli għal żgħażagħ li forsi qabel kienu jsibu diffikultà biex jagħmlu esperjenza bħal din minħabba l-ispejjeż involuti.
L-għotja tkopri diversi spejjeż relatati mal-esperjenza, inkluż il-vjaġġ u l-assigurazzjoni. Il-bidla mhijiex biss kwistjoni ta’ ċifri. Iż-żieda fl-għajnuna għandha l-għan li tagħmel il-volontarjat barra minn Malta aktar aċċessibbli u, għalhekk, tinkoraġġixxi aktar żgħażagħ biex jieħdu din l-opportunità.
Il-parteċipanti jridu jkunu bejn it-18 u l-35 sena, u l-esperjenza ta’ volontarjat trid tkun ta’ mill-inqas ġimagħtejn u mhux aktar minn tliet xhur. Minn din is-sena wkoll, organizzazzjonijiet jistgħu jinkludu leader ta’ aktar minn 35 sena biex jikkoordina u jmexxi l-proġett.
Fir-rigward tan-numru ta’ żgħażagħ li qed jieħdu din l-opportunità, f’dawn l-aħħar disa’ snin kien hemm 182 żagħżugħ u żagħżugħa li bbenefikaw mill-YVO permezz ta’ 43 organizzazzjoni volontarja Maltija u Għawdxija. Dawn seħħu f’diversi pajjiżi, fosthom il-Kenja, il-Ghana, il-Filippini, il-Kambodja, il-Paragwaj u l-Perù. Il-ħidma tagħhom inkludiet attivitajiet bħall-bini ta’ skejjel, tagħlim, titjib tal-faċilitajiet sanitarji, distribuzzjoni ta’ ikel u kampanji ta’ għarfien dwar is-saħħa u l-iġjene.
Iżda l-akbar valur tal-YVO ma jistax jitkejjel biss f’dak li l-voluntier jagħti lill-komunità li jżur. Hemm ukoll dak li l-voluntier jieħu lura miegħu. Li tgħix u taħdem f’kultura differenti, xi kultant f’kundizzjonijiet li huma ferm differenti minn dawk li mdorrijin bihom, tgħinek tifhem aħjar kemm id-dinja hija diversa u kemm realtà li tidher imbiegħda tista’ tkun parti mill-ħajja ta’ nies oħra. Esperjenza bħal din tista’ tgħallem lill-voluntier ikun aktar indipendenti, responsabbli u flessibbli. Tgħinu jiltaqa’ ma’ nies ġodda, jikkomunika ma’ nies minn kulturi differenti u jiffaċċja sitwazzjonijiet li forsi qatt ma kien iltaqa’ magħhom qabel. Fuq kollox, tista’ tbiddel il-mod kif wieħed iħares lejn il-komunità tiegħu stess u lejn il-kontribut li kull individwu jista’ jagħti. Għalhekk, il-YVO huwa investiment fiż-żgħażagħ daqskemm huwa investiment fil-volontarjat.
Esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta tista’ tibqa’ magħhom għal ħajjithom kollha, bħala memorja, bħala tagħlima, bħala valuri li jibqgħu jiggwidawhom, u forsi anke bħala l-bidu ta’ impenn akbar lejn il-komunità u s-soċjetà f’Malta u Għawdex stess.
- Fil-jiem li ġejjin se tkunu qegħdin twettqu wegħda oħra mill-manifest li titratta klieb imħarrġa appposta biex jiggwidaw u jgħinu lin-nies. Tista’ tagħti ħjiel ta’ x’se tkunu qed twettqu bħala Ministeru?
Fl-aħħar leġiżlatura ħloqna spazju ddedikat fiċ-Ċentru tal-Volontarjat Jake Vella f’Raħal Ġdid minn fejn is-Service Dogs Malta Foundation tkun tista’ toffri s-servizzi tagħha.
Fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qed isostni din l-inizjattiva permezz tat-twettiq ta’ wegħda elettorali. Wegħda li tiffoka fuq l-importanza ta’ klieb imħarrġa apposta biex jiggwidaw u jassistu lill-persuni b’kundizzjonijiet differenti u li għandhom bżonn dan is-servizz biex jgħixu ħajja aktar indipendenti u parteċipattiva fis-soċjetà.
Permezz ta’ ftehim ġdid bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u s-Service Dogs Malta Foundation, se tingħata għajnuna finanzjarja sabiex tissaħħaħ il-ħidma tal-Fondazzjoni fit-trobbija, t-taħriġ u t-tqegħid ta’ klieb tas-servizz ma’ persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ tagħhom. Dan il-ftehim jirrifletti u jikkonferma l-impenn tal-Gvern favur soċjetà aktar inklussiva fejn persuni b’diżabilità, jew dawk li jeħtieġu assistenza speċjalizzata, jingħataw l-għodod meħtieġa biex jgħixu b’mod aktar awtonomu. Il-klieb tas-servizz mhux biss jgħinu fil-mobilità u l-orjentazzjoni tal-individwu, iżda jipprovdu wkoll appoġġ prattiku fil-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li jsaħħu l-kunfidenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jużawhom.
Permezz tal-ftehim fuq medda ta’ tliet snin, bejn l-2027 u l-2029, il-Ministeru ser jinvesti fit-taħriġ ta’ tlett iklieb tas-servizz kull sena, filwaqt li ser jassisti lill-Fondazzjoni fil-ħidma tagħha biex tipprovdi tali servizz fuq bażi regolari. Il-finanzjament se jkopri diversi aspetti essenzjali, fosthom it-trobbija tal-klieb, il-kura veterinarja tagħhom, l-ikel, l-ispejjeż relatati mal-familji li jieħdu ħsieb il-ġriewi matul il-fażi inizjali tat-taħriġ, kif ukoll l-ispejjeż tal-kennels u l-amministrazzjoni. Dan se jgħin biex il-Fondazzjoni tkompli tagħti servizz ta’ kwalità u tespandi l-ħidma tagħha sabiex aktar persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-klieb imħarrġa professjonalment.
Il-ftehim jinkludi wkoll miżuri robusti ta’ governanza, trasparenza u kontabilità, sabiex jiġi żgurat li l-fondi pubbliċi jintużaw b’mod responsabbli u effettiv. Din l-inizjattiva hija pass ieħor konkret lejn Malta aktar inklussiva, bis-servizzi jingħataw b’mod li jpoġġi l-indipendenza, id-dinjità u l-parteċipazzjoni tal-persuna fiċ-ċentru tal-politika soċjali. B’dan l-investiment, il-Gvern qiegħed ikompli jwettaq il-wegħdiet tiegħu favur servizzi innovattivi li jagħmlu differenza reali fil-ħajja tan-nies.
- Bħala Ministru inti żammejt l-istess portafoll li kellek fil-leġiżlatura preċedenti. Fejn trid li tasal bħala Ministru u fejn trid li l-pajjiż jasal fl-oqsma tal-inklużjoni u l-volontarjat?
Hu ta’ privileġġ li nservi f’dan is-settur fis-soċjal. Hu settur li jżommok grounded ma’ realtajiet ta’ familji u jżommok in check biex tkompli taħdem u tistinka. Wieħed irid iħares lura lejn dak li ġara sa mill-2020 ’l hawn, meta l-ewwel li twaqqaf dan il-Ministeru. Jekk nibdew mis-settur tad-diżabilità, dan kien minsi qabel l-2013. Fuq talba ta’ bosta attivisti, Gvern Laburista sema’ n-nies, u ra li jkun hemm, għall-ewwel darba, Segretarjat Parlamentari dedikat illi jieħu ħsieb dan is-settur. Fl-aħħar kien hemm l-opportunità sabiex l-isfidi kollha li jaffaċċja dan is-settur, jibdew jiġu indirizzati b’mod sistematiku, u flimkien mal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Kien fis-snin ta’ wara l-2013 illi rajna, per eżempju, t-tfassil tal-ewwel Politika Nazzjonali dwar id-Diżabilità, bis-sehem ta’ stakeholders differenti fil-Kumitat Soċjetà Ġusta. Ingħatat attenzjoni speċifika lil xogħol ma’ Ministeri oħra, bħal fir-rigward ta’ qafas li jirregola l-Blue Badges. L-Aġenzija Sapport saret entità separata, u ttieħdu l-ewwel passi sabiex il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ssir korp tal-ugwaljanza. Filwaqt li kien hemm dawk li nsistew li dan kien settur sekondarju, il-volum ta’ xogħol u l-għatx għall-bidla wasslu sabiex ittieħdet deċiżjoni politika, li rrikonoxxiet il-fatt illi s-settur ikun biss tassew moqdi, jekk ikollu l-attenzjoni li joffri Ministeru dedikat.
Mill-2020 ’l hawn, użajna l-istatus tagħna ta’ Ministeru, sabiex bnejna l-istrutturi permanenti meħtieġa biex inwettqu l-obbligi tagħna taħt il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità, li jinkludi strutturi Inter-Ministerjali u ta’ ħidma mas-soċjetà ċivili, filwaqt li komplew jissaħħu l-Aġenzija Sapport u s-CRPD.
Fejn jidħol il-volontarjat, ukoll għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, il-Gvern għaraf il-valur tal-kontribut tal-voluntiera għall-ħajja soċjali ta’ Malta u ta’ Għawdex, u ħadem fuq pjan fit-tul.
Minflok ma komplejna naraw lill-voluntiera bħala “dilettanti”, kif kien semma rappreżentant tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, abbozzajna u nedejna l-ewwel Strateġija Nazzjonali dwar il-Volontarjat, u saħħaħna kemm l-entitajiet settorjali, kif ukoll l-għaqdiet volontarji. Investejna f’programmi ta’ fondi ġestiti mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, iffukajna wkoll fuq ir-rabtiet internazzjonali, u saħħaħna lir-regolatur, inkluż permezz ta’ riforma legali illi għaddejja.
Jekk niġi lura għad-diżabilità, niftakar illi predeċessur tiegħi kienet tgħid li s-Segretarjat Parlamentari, dak iż-żmien, ikun wettaq xogħlu meta naslu f’punt meta ma jkunx hemm iktar bżonnu. Id-diskriminazzjoni però, inkluż fir-rigward tal-persuni b’diżabilità, hija pjaga li tinżel fil-fond. Fis-snin passati, urejna li dan il-Ministeru jista’, bil-provi, jindirizza l-isfidi li qed naffaċċjaw, filwaqt illi, kif titlob ukoll il-Malta Vision 2050, xogħlu ġie ankrat b’mod sostenibbli, permezz tar-riformi illi wettaqna. Ikomplix jeżisti dan il-Ministeru jew le wara t-tmiem ta’ din il-leġiżlatura mhuwiex għalija illi ngħid. Huwa għall-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, skont l-għajta ta’ ‘Xejn Mingħajrna’ illi tixpruna dan is-settur. Huwa wkoll għal dawk il-voluntiera u l-għaqdiet volontarji kollha, illi ħdimna magħhom sabiex ikollhom id-dinjità u l-viżibilità li jixirqilhom.
Sakemm tibqa’ r-rieda li jkompli b’xogħlu dan il-Ministeru, l-għan għandu jkun, li jkun min ikun Ministru jibqa’ jaħdem, fuq is-sisien sodi li bnejna, sabiex f’isem il-Gvern, u flimkien mal-persuni li għadni kif semmejt, inkunu nistgħu nkomplu nservu lil dawn il-persuni u lill-għaqdiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli.
- Gvern Laburista riesaq lejn l-ewwel mitt jum tal-leġiżlatura. Ir-raba’ leġiżlatura. Kif tiġġudika l-ħidma tal-Gvern f’dawn l-ewwel xhur tiegħu? Għad hemm entużjażmu biex il-Partit Laburista jibqa’ jagħmel bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies?
Forsi wieħed jista’ jgħid li ma nistax inkun oġġettiva, billi kemm erġajt ġejt eletta bħala deputat f’isem il-Partit, kif ukoll kelli l-unur li nerġa’ nservi bħala parti minn dan il-Gvern, għat-tielet darba f’dan ir-rwol.
Xi ħaġa li laqtitni, però, kienet is-sens ta’ enerġija imma wkoll il-grinta biex inkomplu nkunu gvern riformista u li jagħmel differenza posittiva fil-ħajja tan-nies.
Għalkemm kien hemm bidliet mil-leġiżlatura preżenti għal din il-leġiżlatura, narahom iktar bħala rfinaturi milli bidliet radikali. Il-viżjoni tal-Partit, riflessa fil-programm attwali tal-Gvern, kompliet abbażi tal-istess valuri. Fis-settur tad-Diżabilità, kienu l-istess valuri lli, snin ilu, kienu l-pedament tal-Proġett Soċjetà Ġusta, illi l-Gvern dejjem bena fuqu, sabiex wettaq il-ġid fis-settur tad-diżabilità. Fejn jidħol il-Volontarjat, kienu l-kisbiet illi rajna wara l-isforzi li wettaqna mal-għaqdiet fis-settur tul l-aħħar snin, inkluż permezz tal-organi tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. Rajna l-istess valuri u prinċipji jerġgħu jissemmew fil-konsultazzjoni wiesgħa li l-Partit għamel sabiex bena l-Manifest tiegħu qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Manifest li permezz tiegħu, reġa’ ġie fdat bil-Gvern, fir-raba’ mandat storiku tiegħu. Kull Gvern Laburista sa mill-2013 ’l hawn dejjem kien Gvern li Jisma’. U l-poplu vvota għal Gvern li sema’ il-messaġġ li n-nies riedu jwasslu. Sabiex, hekk kif fl-aħħar 13-il sena Gvernijiet Laburisti ħadmu biex, flimkien mal-istess poplu, iwettqu r-rieda tiegħu, hekk ukoll dan ir-raba’ mandat jibni fuq l-istess bażi, imsaħħa bl-irfinaturi illi talab il-poplu. Dan kif rifless fil-Manifest tal-Partit, u kkonfermat bis-saħħa fit-30 ta’ Mejju li għadda.
Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘we hit the ground running’ bħala Gvern. Komplejna fejn ħallejna, ħdimna permezz tal-istrutturi li bnejna, u b’mandat b’saħħtu, żidna x-xogħol sabiex inwettqu wkoll inizjattivi ġodda li jkomplu jibnu fuq il-ġid li sar fl-aħħar snin. Dan rajnih anke bil-Ministeru tagħna fejn, kif semmejt, l-ewwel liġi ppreżentata f’din il-leġiżlatura, saħansitra dakinhar stess illi fetaħ il-Parlament, kienet sett ta’ emendi għall-Kostituzzjoni, storikament maqbula bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
U fis-settur tal-Volontarjat, komplejna bix-xogħol sabiex, pereżempju, innaqqsu l-burokrazija għall-għaqdiet volontarji tagħna, sabiex ikunu jistgħu jiffukaw minflok fuq il-ġid li jagħmlu fis-soċjetà. L-entużjażmu tan-nies hu dak li jkompli jagħti enerġija lill-Partit. Partit ma hu xejn jekk mhux riflessjoni tan-nies illi jappoġġjaw l-istess ideali li jimilita għalihom.
Bħal kull entità oħra, il-Partit Laburista jrid ikompli jiġġedded, u anke jekk reġa’ fil-Gvern, irid jibqa’ umli, u ma jinsiex lil min tah il-mandat tiegħu. B’CEO ġdid, u b’tant voluntiera ddedikati, ċerta li se nkomplu mexjin fit-triq it-tajba. Biex nagħmlu dan, ma rridu ninsew qatt illi l-bidla li rridu nwettqu mill-Gvern, bħala Partit, trid tibqa’ Proġett li jwettaq il-Ħolma ta’ kull persuna f’Malta u f’Għawdex li vvutat għall-Partit Laburista. U li tagħmel dan għall-ġid ta’ kull persuna f’Malta u f’Għawdex.
Għaliex l-interess tagħna dejjem kien u jibqa’, mhux biss l-interess tal-partitarji Laburisti, imma l-interess tal-pajjiż kollu.
