Thursday, April 18, 2024

DORA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Wara xhur sħaħ ta’ diskussjonijiet u negozjati, fil-kumitat ekonomiku u finanzjarju tal-Parlament Ewropew ġie vvotat test li jiffinaliżża abbozz parlamentari ta’ regolament li qed jissejjaħ Dora. Ir-regolament idaħħal miżuri ġodda u dettaljati li bihom banek u istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni Ewropea jridu jissalvagwardjaw is-sistemi elettroniċi tagħhom minn kull attakk jew taħsir.

Kont qed immexxi dil-ħidma min-naħa tal-grupp tas-soċjalisti u demokratiċi u tgħallimt ħafna matulha. Sa issa, ħafna mill-miżuri f’seħħ kienu l-aktar fil-forma ta’ kemm l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej kellhom jiddedikaw parti mill-fondi tagħhom għall-ħarsien elettroniku. Dan m’għadux biżżejjed biex joffri protezzjoni xierqa kontra l-mewġa dejjem tikber ta’ attakki diġitali. Interessanti kif wieħed mill-eżempji li l-Kummissjoni Ewropea baqgħet issemmi dwar hekk sa milll-abbozz inizjali li ppreżentat kien dak tal-attakk li seħħ fuq il-Bank of Valletta xi sentejn ilu.

L-abozz ta’ Dora li issa se jkun approvat mill-plenarja tal-Parlament irid jiġi kkonfrontat mal-abbozz imħejji mill-Kunsill tal-Ministri Ewropej u miż-żewġ testi, jinħoloq regolament wieħed. Xogħol tekniku u politiku komplikat, għalkemm ftit tidħol ideoloġija fih.

KJAROSKURO

Sibtha ftit stramba biex naddatta ruħi għall-fatt li qed nuża l-isem Dora fl-aħħar xhur għall-“Abbozz ta’ Regolament Ewropew dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju”. Ċertament l-użu tal-isem kien aktar faċli u pjaċevoli mit-titlu sħiħ tad-dokument. Imma lili kien ifakkarni — u għadu — f’karattru li kont daħħalt fi dramm li ktibt ilu ħafna u kien ittella mill-Moviment Qawmien Letterarju “Kjaro Skuro”.

Fih kien hemm tliet karattri b’Dora r-raba’ persuna, li tissemma ħafna imma ma tidhirx. 

U issa isimha se jibda jfakkarni aktar fit-teknoloġija elettronika u l-protezzjoni meħtieġa kontra l-frodi diġitali. Forsi aħjar hekk.

ĠEJ IL-MILIED…

Inħass ferm fl-aħħar ġranet l-inkwiet tan-nies dwar li l-festi tal-Milied jinsabu riesqa kif ukoll riesaq, mid-dehra, l-virus tal-Covid-19 bl-arma l-ġdida tiegħu tal-Omicron. Dan se jerġa’ jħassar l-ispirtu tal-festi li l-Milied iġib miegħu, kif għamel is-sena li għaddiet?

Hu minnu li l-medja għenu biex dan it-tħassib jinfirex. Ħlief stejjer dwar das-suġġett ma ġabux, ibda mill-BBC fil-programmi televiżivi tiegħu…. imma bogħod milli kien waħdu f’hekk.

Il-verità hi li qed jikber sentiment ta’ għeja u dwejjaq bl-istorja kollha tal-pandemija.  Il-gvernijiet kważi kollha ħassew l-importanza li jkomplu jwissu dwar il-prekawzjonijiet u l-miżuri li jridu jibqgħu jittieħdu kontra l-imxija, imma baqgħu attenti biex iżewqu t-twissijiet tagħhom b’pariri u informazzjoni dwar kif xorta l-festi se jkunu jistgħu jitgawdew.  Qed ikunu ottimistiċi wisq jew saqajhom mal-art dwar il-ħtieġa li jrażżnu l-qtigħ ta’ qalb li ħafna nies setgħu jaqgħu fih?

Ekonomija

Sport