Tuesday, November 26, 2024

Eks pulizija se jerġa’ jgħaddi ġuri dwar allegat stupru ta’ kollega fl-Għassa tal-Imsida

Aqra wkoll

Eks pulizija se jkollu jerġa’ jgħaddi ġuri b’rabta ma’ allegat stupru ta’ kollega fl-Għassa tal-Imsida. Dan wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali (Sede Superjuri) laqgħet l-appell li kien tressaq mill-Avukat Ġenerali. 

F’Marzu tal-2023, l-eks pulizija ta’ 34 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ma kienx instab ħati f’ġuri li stupra lill-allegata vittma iżda nstab ħati li ta fastidju lil uffiċjal tal-pulizija mara oħra u kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn. 

L-Avukat Ġenerali kienet appellat mis-sentenza u mid-deċiżjoni tal-Imħallef li semgħet il-ġuri li żammet l-istqarrija li fiha l-akkużat allegatament ammetta li stupra lill-kollega milli tiġi inkluża fil-ġuri bħala prova. 

F’deċiżjoni mogħtija l-Erbgħa filgħodu, il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni M. Grixti, laqgħet l-aggravju mqanqal mill-Avukat Ġenerali u ddikjarat li seħħet irregolarità gravi matul is-smigħ tal-ġuri li kellha effett fuq il-verdett finali u li wassal biex iseħħ nuqqas ta’ ġustizzja.

Għalhekk, irrevokat id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali fejn kienet skartat l-istqarrija rilaxxata mill-appellat f’Marzu tal-2018, u ordnat li din il-prova tkun ammessa mill-ġdid fl-atti. Konsegwentament ħassret u rrevokat il-verdett s-sentenza li ngħatat f’Marzu tal-2023, u ordnat li l-każ jinstema’ mill-ġdid quddiem il-Qorti Kriminali, bl-appellat jibqa’ marbut bl-istess kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest bil-garanzija li kien igawdi pendenti s-smigħ tal-kawża mill-ġdid. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Angele Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Lara Dimitrijevic dehret għal waħda mill-vittmi. 

Sport