Wednesday, March 27, 2024

Emenda maħsuba li tnaqqas id-dewmien fl-inkjesti ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA jisħaq li l-investigazzjonijiet tagħhom jitlestew fi ftit ġimgħat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet f’pajjiżna kien hemm diversi inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol li sfortunatament wasslu għall-mewt u korriment ta’ numru ta’ persuni. Skont statistika miġbura minn dan is-sit, is-sena li għaddiet kien hemm mill-inqas 12-il persuna li tilfu ħajjithom f’sitwazzjonijiet varji. Minn persuna li kienet fuq il-post waqt sempliċiment żjara sa numru ta’ ħaddiema li spiċċaw ħarġu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u ma rritornaw qatt id-dar.

Skont informazzjoni li għandna f’idejna wkoll jirriżulta li għad hemm inkjesti għaddejjin b’rabta ta’ madwar 20 inċident fatali ieħor li seħħew bejn l-2018 u l-2021. B’rabta ma’ dawn l-imwiet għad hemm inkjesti maġisterjali pendenti. Barra minn hekk, għad hemm numru ta’ inkjesti maġisterjali oħra li għadhom pendenti b’rabta ma’ numru ta’ inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol li fihom weġġgħu persuni oħra.

Fil-bidu ta’ din is-sena tressaq abbozz ta’ liġi maħsub li jemenda l-kodiċi kriminali bil-għan li jipprovdu bażi legali għall-involviment tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-aċċessi li jirriżultaw minn inċidenti industrijali jew inċidenti li jseħħu fuq post tax-xogħol.

F’kummenti lil Talk.mt il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Mark Gauci faħħar bis-sħiħ dan l-abbozz li ġie ppreżentat fil-parlament fid-9 ta’ Jannar li għadda. Gauci qalilna li dan huwa pass importanti ħafna li kien imbotta ħafna fuqu l-Ministru għall-Iżvilupp u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi wara diversi laqgħat u diskussjonijiet li saru bejn l-entitajiet rispettivi.

Gauci qalilna li l-problema kienet li s’issa l-OHSA kienet qiegħda tiftaħ investigazzjoni separata skont kif inhi obbligata bil-liġi filwaqt li tinfetaħ b’mod separat ukoll inkjesta maġisterjali.

Li kien qiegħed jiġri huwa li filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-OHSA kienu qegħdin jitlestew fi ftit ġimgħat, inkjesti maġisterjali kienu qegħdin u kif semmejna aktar qabel qegħdin itawlu tant li għad hemm numru konsiderevoli minnhom li għadhom pendenti.

B’rabta mal-investigazzjonijiet tal-OHSA, staqsejna lil Gauci rigward x’jiġri wara li l-awtorità tiddikjara li qiegħda tinvestiga l-każ u x’jiġri wara. Huwa qalilna li kif ikkonferma aktar qabel, l-investigazzjonijiet tagħhom ma jtawlux iżjed minn ftit ġimgħat, iżda li kien qiegħed jiġri s’issa kien li meta huma jsibu lil xi ħadd li jkun instab li naqas u jersqu għand il-pulizija bl-akkużi, dawn kienu qegħdin jieqfu biex jistennew l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali li qed ħafna drabi jkun għadha pendenti.

Huwa kkonkluda jgħid li dawn l-emendi huma wkoll pass fid-direzzjoni t-tajba biex l-għarfien espert tal-imsemmija Awtorità jkun disponibbli għall-Maġistrat inkwirenti u tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn tax-xogħol u tal-ispejjeż. Mhux biss, tali emendi se jkun qiegħed jelimina li jkun hemm eżitu differenti b’rabta mal-investigazzjonijiet imwettqa separatament għax ladarba jkun hemm ħidma kollaborattiva, l-esperti mill-OHSA se jkunu jistgħu jinvestigaw aħjar fejn jidħlu regolamenti marbutin mas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. “Tajjeb li jingħad ukoll li finalment, l-għan aħħari ta’ dan il-proċess hu li jitnaqqas kemm jista’ jkun ċertu dewmien li ma jkunx jitqies raġjonevoli – dewmien li finalment ikun ta’ ostaklu kbir biex jiġi żgurat li ssir ġustizzja fi żmien raġjonevoli”, temm jgħid Gauci.

Ekonomija

Sport