Saturday, December 28, 2024

Fenomenu kostanti ta’ ‘dokumenti foloz’ biex jidħlu Malta

“Dawn it-tip ta’ reati saru ħafna iktar komuni tant li sar fenomenu kostanti”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Quddiem sitwazzjonijiet diffiċli f’pajjiżi terzi fosthom kunflitti, żdiedu sew ir-reati ta’ persuni li jippruvaw jidħlu f’pajjiżna b’dokumenti foloz. Il-każijiet ivarjaw sew u waqt li qiegħed ikun hemm każi ta’ persuni li jinqabdu proprju mill-awtoritajiet Maltin fil-pussess ta’ dokumentazzjoni falza, qiegħed jirriżulta wkoll li kien hemm każi ta’ persuni barranin li kienu se jivvjaġġaw u li nqabdu f’pajjiżi barranin. Jidher li wieħed mill-aktar reati komuni huwa dak li jintuża passaport li jkun inħareġ f’isem persuna oħra.

Sorsi qrib l-awtoritajiet Maltin li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li, “ir-reati ta’ persuni li jippruvaw jidħlu jew jitilqu mill-pajjiż b’dokumenti foloz huwa reat li qegħdin naraw żieda tiegħu. Illum kemm minħabba ir-regolamenti tax-Schengen kif ukoll minħabba kunflitti li għandna madwarna u ssikkar biex persuni minn ċerti pajjiżi jivvjaġġaw, qegħdin naraw kif aktar persuni qegħdin jaraw kif jagħmlu biex jivvjaġġaw u dan anke b’passaporti foloz jew passaporti ta’ ħaddieħor. Kellna każi ta’ persuni minn pajjiżi terzi bħal Vjetnam li wżaw passaporti ta’ ħaddieħor. Kellna każi ta’ persuni li vvjaġġaw mill-Vjetnam lejn pajjiżna b’passaporti minn pajjiżi Ewropej li nħarġu f’isem persuni oħra. Qiegħed spiss ikollna każi fejn persuni minn pajjiżi imbiegħda bħal Vjetnam qed jiġu Malta bir-raġuni li tingħata tkun li se jkunu qegħdin jitgħallmu il-lingwa Ingliża. Wara li jintemm il-kors, dawn flok jirritornaw lura lejn pajjiżhom, kienu qegħdin jittantaw jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra Ewropew bħal Franza, il-Ġermanja jew l-Italja.”

L-istess sorsi qrib l-awtoritajiet qalulna li “ninsabu aġġornati bl-aħħar żviluppi. Dan hu qasam li dejjem jiżviluppa bil-għan li jibqa’ għaddej it-traffikar. Ninsabu f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet Ewropej fejn niskambjaw l-informazzjoni u anke ningħataw informazzjoni tax-xejriet li jkunu għaddejjin”.

Ma jinvolvux biss każi ta’ tluq minn Malta… imma anke dħul f’Malta

IT-TORĊA hi infurmata li kien hemm anke persuni barranin li minn pajjiżi oħra fl-Ewropa fosthom fl-Italja ittanaw jidħlu f’pajjiżna b’dokumenti u passaporti foloż. “Anki f’dan il-każ, is-sitwazzjoni hi dik li ħafna drabi jintużaw passaporti ta’ ħaddieħor. Kellna min applika għal status ta’ protezzjoni fl-Italja u dan ipprova jidħol hawn. Qiegħed spiss ikollna każi fejn dawn il-persuni jispiċċaw ukoll imqarrqin fejn jingħataw l-impressjoni li se jinħarġulhom dokumenti mill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż imma imbagħad dak ma jseħħx, għax il-passaport li jinħarġilhom ikun falz”.

“Indjani xtraw passport għall-prezz ta’ €600… Bangladeshi mill-Greċja xtrawhom €500”

L-istess sorsi spjegaw lil IT-TORĊA li “llum biex jivvjaġġaw qiegħed isir minn kollox. It-traffikar uman tant sar raffinat, li anke qiegħed ikun hemm każi ta’ dokumenti foloz marbutin mal-appuntamenti għall-applikazzjoni tal-VISA. Dawn kienu każi li ġew għall-attenzjoni fl-aħħar jiem u li seħħew fl-Indja. Il-persuni ma kienux ġejjin Malta imma kienu sejrin għal appuntament għal VISA għall-Italja. Dan il-każ, li kif ġie skopert ġew informati l-awtoritajiet kollha Ewropej, kien jikkonsisti f’applikazzjoni falza għal appuntament għal VISA, f’liema dokument jidher li induża logo falz tal-kumpanija li hi responsabbli minn dawn l-appuntamenti. Hawnhekk għandna każ fejn aġenti Indjani, kienu qegħdin jisfruttaw l-lista ta’ stennija twila ħafna li hemm għal VISAS lejn l-Ewropa u li minħabba fiha wieħed irid idum jistenna. Dawn l-aġenti kienu qegħdin jabbużaw billi jgħidu li jistgħu joħorġu dokument li permezz tiegħu tmur għal-appuntament tal-VISA. Id-dokument jidher li ħallsu madwar €500 u xi drabi anke qrib €600.”

IT-TORĊA hi infurmata li “anke is-sitwazzjoni fil-Greċja fejn tidħol l-immigrazzjoni qiegħda twassal biex ikun hemm persuni minn pajjiżi terzi li jippruvaw jidħlu f’pajjiżna. Kellna każi fejn persuni mill-Greċja ivvjaġġaw lejn pajjiżna u fl-ajruport inqabdu li kellhom passaporti li kienu foloz. Jidher li dawk li inqabdu ġejjin mill-Greċja fil-parti kbira tagħhom ma ridux jibqgħu f’Malta. L-għan kien li minn Malta jmorru l-Italja u wara Franza jew l-Ingilterra. Il-każ hawn kien jinvolvi passaporti foloz minn traffikanti umani, li nbiegħu għal madwar €450 kull passaport. Il-persuni kienu ngħataw assigurazzjoni li f’Malta mhux se jitwaqqfu peress li kemm il-Greċja u kemm Malta qegħdin fiż-żona Schengen”.

Il-Qorti tesprimi ruħha b’mod ċar… ‘fenomenu kostanti”

Każ riċenti wassal ukoll biex anke l-Qorti Maltija tesprimi ruħha fuq dan it-traffikar uman, li jsir b’dokumentazzjoni falza. Filfatt il-Qorti iddikjarat li “l-Qorti taqbel mal-Ufficj̇al Prosekutur li, minkejja kollox, ma tistax tagħlaq għajnejha għall-fatt illi l-Ligi̇jiet tal-Immigrazzjoni ta’ dan il- pajjiż ġew miksurin f’dan il-każ. Lanqas ma tista’ tinsa’ li dawn it-tip ta’ reati saru ħafna iktar komuni tant li sar fenomenu kostanti. Mhux acċėttabbli li persuni jkomplu jidħlu jew joħorġu fit-territorju nazzjonali b’dokumenti foloz fejn jippruvaw iqarqu bl-awtoritajiet tal-Immigrazzjoni tal-Istat Malti u dawk barranin.”

Il-Qorti tkompli tgħid li “fil-prinċi̇pju dawn ir-reati jistgħu jimminaw anke s-sigurtà tal-pajjiż. L-Istat Malti għandu jkollu interess qawwi li jkun jaf sewwasew l-identità vera ta’ min ikun dieħel fil-pajjiż u dan ukoll għal raġunijiet ta’ sigurtà interna – b’mod partikolari fi żminijiet ta’ taqlib, kunflitti u terroriżmu li diversi partijiet tad-dinja, inkluż dawk viċi̇ni għal Malta, jinsabu għaddejjin minnhom jew mhedda bihom.”

Il-Qorti qalet ukoll li, “l-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra (anke fl-Unjoni Ewropeja) li seħħew ricėntement, għandhom jiftħu għajnejn kulħadd għar-riskji serji li tali fenomenu ta’ immigrazzjoni illegali b’dokumenti foloz jista’ jġi̇b miegħu għan-nies innocėnti.”

Ekonomija

Sport