Sunday, November 24, 2024

Fl-2023 il-popolazzjoni f’Malta kienet ta’ 563,443 persuna

Aqra wkoll

Fi tmiem l-2023, il-popolazzjoni totali ta’ Malta u Għawdex kienet stmata li tlaħħaq il-563,443 persuna, żieda ta’ 3.9% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

Dan tħabbar f’rapport mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istastika (NSO) fejn sostna li r-raġuni ewliena taż-żieda fil-popolazzjoni kienet il-migrazzjoni li laħqet l-20,960 persuna.

L-NSO tgħid li ċittadini mhux tal-UE kienu jagħmlu 93.1% tal-migrazzjoni netta totali fl-2023, filwaqt li 65.3% ta’ dawn il-migranti kienu rġiel. Fi tmiem l-2023, il-popolazzjoni residenti totali kienet tgħodd kważi 53% irġiel. Filwaqt li l-migrazzjoni netta naqset b’mod marġinali meta mqabbla mal-2022 (3.8%), kemm l-immigrazzjoni kif ukoll l-emigrazzjoni żdiedu fl-2023.

Iż-żieda naturali fil-popolazzjoni kienet 5.5 darbiet aktar meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, minn 79 fl-2022 għal 432 fl-2023. Din kienet l-akbar żieda naturali mill-2019 li kienet ġejja kemm minn tnaqqis fl-imwiet ta’ residenti kif ukoll minn żieda fit-twelid ta’ trabi ħajjin minn residenti.

It-twelid ta’ trabi ħajjin minn residenti fl-2023 żdied bi 3.6% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Mill-ġenituri li welldu fl-2023, 40.3% kellhom bejn it-30 u l-34 sena fiż-żmien tat-twelid.

Ir-rapport jgħid ukoll li l-imwiet ta’ residenti fl-2023 naqsu b’4.7% fuq is-sena ta’ qabel. Mill-4,030 mewta ta’ residenti li seħħew fl-2023, 69.4% kienu ta’ persuni minn 75 sena ’l fuq.

L-NSO ittemm tgħid li sa tmiem l-2023, 53% tal-popolazzjoni residenti totali kienu rġiel. Persuni taħt it-18-il sena kienu jagħmlu 14.7% tal-popolazzjoni totali, filwaqt li 18.4% kellhom mal-65 sena jew aktar. Minn dawn, 3,611-il persuna – 2,568 mara u 1,043 raġel – kellhom 90 sena jew aktar.

Sport