Sunday, December 22, 2024

“F’sena u ftit xhur se nkunu dħalna biex insalvaw sitt każini tal-banda”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li jrid jara aktar kultura fil-futur ta’ dan il-pajjiż. 

“Irrid nara aktar kultura mhux biss biex il-poplu jieħu pjaċir. Iżda għax irrid poplu aktar intelletwalment avvanzat, aktar kreattiv, li kapaċi joħlom u jimraħ, li ma jibżax mill-isfidi,” qal il-Ministru Bonnici. 

Huwa sostna wkoll li fl-aħħar sena, dan il-Gvern irnexxa fil-mira tiegħu li fl-ewwel sena ta’ wara l-pandemija, il-kultura reġgħet mhux biss ħadet dik l-ispinta neċessarja imma eċċediet l-aspettativ ta’ kulħadd.

Semma fost oħrajn kif ittella’ l-festival Mużika Mużika, u wara tnieda pakkett ta’ nofs miljun ewro f’għajnuna lill-festi Maltin u Għawdxin. Qal li wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet ittellgħu b’suċċess il-festi fix-xhur tas-sajf fejn il-konkorrenza tan-nies kienet waħda tajba ħafna. 

Dwar is-Soċjetajiet Mużikali li kienu f’riskju li jispiċċaw bla Sede minħabba liġijiet tal-kera, il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern mill-ewwel intervjena biex isalva s-Soċjetà Stella Maris ta’ Tas-Sliema.

Enfasizza ukoll li “diġà dħalna f’konvenju fuq is-Soċjetà de Paul. Allura mxejna pass importanti ħafna biex insalvaw anke s-Soċjetà de Paul ta’ Raħal Ġdid. Ninsabu qrib li nidħlu fi ftehim ma’ erba’ soċjetajiet mużikali oħra. Se nkunu qed naraw kif f’temp ta’ sena u ftit xhur, mill-ewwel dħalna biex insalvaw sitt każini tal-banda li kieku qgħadna bilqiegħda u m’għamilna xejn kienu jispiċċaw mingħajr is-sede tagħhom.” 

“Dan filwaqt li komplejna noħorġu l-fondi biex ngħinu s-soċjetajiet mużikali, tan-nar, tal-armar u ftit tal-jiem ilu nedejna fond ta’ nofs miljun ieħor biex il-festi Maltin ikomplu jimxu ‘l quddiem,” tenna l-Ministru Bonnici.

Ekonomija

Sport