Sunday, December 22, 2024

Għan vendikattiv wara l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni

…. il-Prim Ministru Robert Abela wara li l-Qorti ċaħdet kawża tal-PN

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-Kap tal-Oppożizzjoni ried juri b’mod ċar li kien lest ikun vendikattiv bil-kawża li fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat. Minbarra dan għan ieħor tal-kawża li fetaħ il-PN kien li jbeżża’ lill-Gvern milli jkompli bil-ħidma tiegħu favur il-poplu. 

Il-Prim Ministru stqarr dan f’konferenza tal-aħbarijiet li ta fil-Berġa ta’ Kastilja ftit ħin biss wara li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet it-talbiet li għamlu l-PN biex l-Avukat tal-Istat jibda proċeduri biex iġib lura l-flus li skont il-PN insterqu lill-poplu Malti fil-konċessjoni tal-isptarijiet. 

Dr Abela elabora fuq iż-żewġ għanijiet tal-kawża u qal li l-PN għamel kawża fejn attakka fuq livell personali, li jfisser li dak li ried kien li l-€400 miljun li allega li nsterqu minn Steward jittieħdu mill-assi personali ta’ uffiċjali taċ-ċivil kif ukoll mill-Kabinett immexxi minnu. “Ifisser li bil-kawża attakka liċ-ċivil, lilna u lill-familji tagħna,” qal il-Prim Ministru. 

Huwa nsista wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni ried ibeżża’ lil uffiċjali tas-servizz pubbliku milli jwettqu xogħolhom b’serenità għax ried inissel biża’ fihom illi meta taġixxi b’rieda tajba, skont dak li temmen li huwa sewwa, xorta kien lest li jfittex fuq livell personali.

Huwa qal li Bernard Grech, biex jilħaq iż-żewġ għanijiet tal-kawża li fetaħ, ried li jġib fix-xejn, il-funzjoni kostituzzjonali u konvenzjonali tal-Avukat tal-Istat. Dan ried jagħmlu billi jaqleb ta’ taħt fuq il-funzjoni tal-Avukat tal-Istat u jġiegħel lill-Qorti tordnalu biex jieħu passi personali kontra diversi uffiċjali tal-Gvern. 

Biex jilħaq dan l-istess għan, kompla jgħid il-Prim Ministru, Grech wasal biex jaħlef fil-falz. “Dan ili ngħidu mill-bidu nett anke fir-risposta maħlufa li ppreżentajna bħala kabinett tal-Ministri.”

“Fir-rikors maħluf fl-ewwel paragrafu, il-Kap tal-Oppożizzjoni jattribwixxi fatti jew allegazzjonijiet kriminali fil-konfront tiegħi minkejja li kull sentenza tal-qorti li ngħatat dwar il-kwistjoni Steward teskludini b’mod speċifiku u anke l-inkjesta maġisterjali. Għalhekk nerġa’ ngħid li din hija vendikazzjoni politika,” tenna l-Prim Ministru li nnota kif it-tattiċi tal-Kap tal-Oppożizzjoni mhumiex aċċettabbli. 

“La konna ċassi u lanqas se nkunu”

“Ħafna staqsewni wara dan l-attakk se nibqgħu ċassi? La konna ċassi u lanqas se nkunu. Konna sodi. Konna ffukati fil-mod li bih mexejna d-difiza tagħna. Għamilna l-argumenti bl-aktar mod rispettuż quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Is-sentenza li ngħatat tikkonferma kemm kellna difiża leali, korretta, u kemm konna qed inkunu sodi fil-forum adattat,” kompla jgħid il-Prim Ministru. 

Minkejjja li l-Qorti tat verdett ċar, Dr Abela qal li joħroġ b’mod sinjifikanti il-fatt illi l-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ għaddej bil-kawża u ma kellux id-diċenza jikkoreġi dak li kien falz. Fuq kollox, is-sentenza tal-Qorti tat ċertifikat ċar tal-mod kif ħadem kemm hu bħala Prim Ministru kif ukoll Chris Fearne. Fl-istess waqt il-Prim Ministru tenna l-kundanna tiegħu dwar il-kampanja qarrieqa kontra l-eks Deputat Prim Ministru Fearne. 

Dwar il-konċessjoni lil Steward, il-Prim Ministru qal li l-Gvern kien aġixxa mill-ewwel billi ħa lura l-pussess tat-tliet sptarijiet u anke li fetaħ proċeduri b’saħħithom quddiem l-arbitraġġ internazzjonali u dan biex ikun protett l-interess tal-poplu Malti. Iżda l-Oppożizzjoni minflok qed tikkollabora mal-Gvern, qed tirrifjuta milli tagħmel dan.  

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li din il-kawża, li ntilfet mill-Kap tal-Oppożizzjoni, trid tkun ikkunsidrata fl-isfond ta’ sensiela ta’ attakki sistematiċi fil-konfront tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Attard qal ukoll li din il-kawża hi minnha nfisha attakk fil-konfront tal-Qorti. “Fis-sentenza joħroġ ċar li b’din il-kawża u bit-talbiet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni prova jikkomprometti l-Qrati tagħna, billi jġegħelhom jaġixxu bi ksur tal-kostituzzjoni,” huwa żied jgħid.

Imma l-Qorti b’din is-sentenza, kompla jgħid il-Ministru Attard, għamlitha ċara li ma tridx tkun ko parterċipi f’dan l-attentat tal-Oppożizzjoni. 

Sadanittant, fir-reazzjoni tiegħu wara s-sentenza tal-Qorti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Qorti xorta waħda tefgħet ir-responsabiltà li nġibu flusna lura fuq il-Prim Ministru. Skont Grech, il-Prim Ministru għadu sal-lum jirrifjuta li jiftaħ proċeduri biex jiġu rkuprati l-flejjes li ngħataw lil Steward. 

Ekonomija

Sport