Jidher li l-gwerra ta’ Trump fl-Iran tista’ titwal. X’se jkun l-impatt tagħha fuq it-turiżmu internazzjonali? L-ewwel ħaġa li ħarġet ċara kienet li l-pajjiżi tal-Golf Għarbi se jaqilgħu daqqa, għax sfaw maqbuda fil-ġlied u fit-tensjoni li nħolqu. In-nies li attiraw lejhom se jaraw isibux imkejjen oħra fejn jirrilassaw u jiddevertu.
Sadattant, bl-inċertezzi dwar il-provista tal-pitrolju għall-ajruplani, it-titjiriet turistiċi mad-dinja kollha saru wkoll inċerti. X’aktarx li l-ħerqa tan-nies biex tivvjaġġa se tibred jekk hemm iċ-ċans li jew titħassar it-titjira li bbukkjaw għaliha, jew li jispiċċaw f’xi ajruport bla fjuwil f’pajjiż barrani. Dan apparti mill-għoli tal-ħajja li l-gwerra ġġib magħha biex tnaqqas il-ħajra u/jew il-mezzi għall-ivvjaġġar.
Definittivament, it-turiżmu u l-gwerra ma jmorrux flimkien.
FIT-TOROQ
It-toroq saru jokkupaw rwol dejjem iċken fil-kampanji elettorali Maltin. Veru li l-“billboards” immoltiplikaw imma waqt li jimlew it-toroq, iħalluhom vojta minn nies impenjati bil-politika. Qabel, meta kien permess li jitwaħħlu bil-kolla r-ritratti ta’ kandidati mal-ħitan (u jħallu l-fdalijiet tal-karti li jħammġu l-ambjent), it-toroq kienu jimtlew (billejl l-aktar) b’attivisti, ġieli fost għawġ bejniethom.
Imma kien ikun hemm ukoll il-corner meetings, il-laqgħat publiċi tar-“reġjun”, il-kandidati li juru rwieħhom b’mod prominenti jħabbtu l-bibien fil-kumpanija tal-canvassers tagħhom… Illum, il-mass meetings baqgħu jsiru biex jimmobilizzaw lin-nies. Aktar minn qatt qabel, saru priedka bi spettaklu ta’ divertiment, nieqsa minn wisq argumentazzjoni politika. Sadattant il-kuntatti mal-elettorat tal-kandidati u l-partit qed jistrieħu dejjem aktar fuq il-messaġġi elettroniċi, li jwassluhom qrib il-votant… imma mhux qrib biżżejjed biex isiru jafu kif qed jgħix tassew, lil hinn milli jiddeċiedi li jgħidlek.
Forsi hi ħaġa tajba li t-toroq m’għadhomx il-fattur ċentrali li kienu f’kampanji elettorali. Bit-traffiku dejjem jiżdied, ir-riskji ta’ xi inċident, mhux dejjem involontarju, kienu jiżdiedu sew.
KULĦADD F’UNJIN
L-argument ta’ uħud hu li l-iżvilupp qawwi tal-pajjiż qed iseħħ bin-nies li jinġabu jaħdmu bl-irħis. Bir-raġun, il-ħaddiema Maltin ma jaċċettawx il-pagi li l-barranin lesti jitħallsu. L-iżvilupp messu kien aktar bilanċjat billi ma jisparax ’il quddiem b’mod li fl-aħħar mill-aħħar hu msejjes fuq l-inġustizzja soċjali.
Oħrajn xejn ma jaqblu ma’ din l-ispjega tat-titjib ekonomiku li seħħ fl-aħħar snin u li ġab miegħu titjib fil-kundizzjonijiet soċjali ta’ “kulħadd”.
Hemm mod sempliċi kif dil-problema tittaffa darba għal dejjem u bit-twettiq ta’ ġustizzja soċjali. Dan ikun billi l-ħaddiema kollha, jaħdmu fejn u ma’ min jaħdmu (sakemm individwalment ma jirrifjutawx) isiru awtomatikament membri ta’ unjin tal-ħaddiema. B’hekk ikollhom difiża kontra min jimponi paga li mhix tal-livell li għandha tipprevali f’Malta u Għawdex.


