Thursday, March 28, 2024

IBQA’ PPROVA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-Festivall tal-kanzunetti tal-Eurovision ftit jinteressani. Imma ħaġa naturali, lil ħaddieħor jinteressah u bil-kbir. Kemm bħala udjenza u mil-lat ta’ artisti fil-ħiliet tal-mużika, żfin u xows.

Smajt wisq dan l-aħħar min jgħidlek: Dan għax nidħlu f’kompetizzjonijiet hekk, biex “dejjem” naqgħu għaċ-ċajt? Tisma’ l-istess ħaġa ġieli (għalkemm anqas minn qabel) dwar parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet tal-isport, bħal football. Dawk l-attivitajiet ma jgħoddux għalina, jitqal. Qatt ma nistgħu nkunu tajjeb biżżejjed għalihom. 

Ma naqbel xejn. Jien wieħed minn dawk li saħqu għal darba wara l-oħra li fiċ-ċokon tagħna ridna noqogħdu attenti li ma neħdux fuq spallejna piżijiet li jgħoddu biss għall “kbar”. Għadni nemmen hekk. 

  Min-naħa l-oħra dan ma jfissirx li kellna jew għandna ningħalqu minn kulħadd, speċjalment minn konkorsi sportivi u kulturali. Dejjem żgur li waqt li nipparteċipaw, inżommu saqajna mal-art dwar il-potenzjal tagħna. U dejjem ukoll waqt li nagħmlu minn kollox biex nitgħallmu minn kull esperjenza biex intejbu l-wirja Maltija.

GĦALIEX IDUMU?

Proġett jitħabbar u ieħor u ieħor u meta se jitlestew. Kulħadd jaf li d-dati li jingħataw għat-tlestija mhumiex se jkunu onorati. Imma qisu ma ġara xejn, anke meta għal darba wara l-oħra, qisha kienet aħbar ġdida u kbira, jitħabbar kif il-proġett miexi tajjeb ħafna u sempliċement tmiemu qed jiġi pospost biss għal ftit xhur oħra.

F’dil-ħaġa ma jikkonslanix il-fatt li f’pajjiżi oħra jiġri l-istess. Fil-Belġju nikkalkola li l-proġetti jdumu jkarkru daqs ta’ Malta, forsi aktar. Li żgur hu li ċ-ċittadini ma jkunux moqdija tajjeb, fejn anke f’ħafna proġetti, l-ħlasijiet qed isiru mit-taxxi li jitteħdulhom. 

Ma jintqal xejn jew ftit dwar ir-raġunijiet veri għall-posponimenti. Xogħol ħażin li kellu jissewwa? Nuqqas ta’ ħaddiema, fondi, materjali li ma ġewx fil-ħin, inkompetenza, korruzzjoni, aċċidenti, pjanti żbaljati…??? Min jaf.

ELEZZJONIJIET EWROPEJ

L-elezzjonijiet Ewropej tas-sena li ġejja se jsiru b’xahar kważi ta’ dewmien fuq tal-2019. Ma nafx kemm se jagħtu riżultat differenti minn tal-aħħar darba. Il-biża’ ta’ dakinhar dwar l-impatt tal-populisti “estremi” serva biex jimmobilizza liċ-ċentru xellugi u lemini. Wieħed jiddubita kemm dil-ħaġa se terġa’ tiġri. 

Min-naħa l-oħra, l-populisti nfushom jekk ma raqdux għal kollox, erħewlha jongħosu lil hemm u lil hawn. Dejjem kellhom astensjoni qawwija fl-elezzjonijiet Ewropej għax il-votanti tagħhom jivvotaw l-aktar fin-nazzjonali. Did-darba l-astensjoniżmu tagħhom jista’ jitqawwa. 

Biss, il-partiti se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex iżidu fl-impenn tal-akkaniti tagħhom.

Dawn il-kalkoli mhumiex se jaffettwawni personalment. M’inix ħiereġ għal din l-elezzjoni. Wasal iż-żmien li nħalli posti lil ħaddieħor. Nibqa’ interessat fir-riżultat.

Ekonomija

Sport