L-Assemblea Ġenerali tal-Malta FA għalqed bid-diskors tal-president Bjorn Vassallo li tkellem fuq il-ħidma intensiva tal-Assoċjazzjoni kif ukoll l-mira li ntlaħqu u dawk li ma ntlaħqux. Peró kollox ma’ kollox wera s-sodisfazzjon tiegħu fir-rigward tal-pożizzjoni finanzjarja fejn qed jiġi rkuprat id-defiċit.
Rakkommandazjoni – Kumitat tal-Etika u l-Konformita’
Qabel nibda d-diskors tiegħi xtaqt ninfurmakom b’deċiżjoni tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformita’ li kienet meħudha l-bieraħ tard filgħaxija u kkommunikata lili dalgħodu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali meħuda fil-ġurnata tal-bieraħ fir-rigward tal-plejer Jurgen Pisani b’relazzjoni ma’ fatti li ġraw fil-partita mill-Premier League bejn Santa Lucia u Birkirkara tad-data tat-3 ta’ Mejju 2024 u li ntlagħabet fiċ-Centenary Stadium.
Pisani ġie akkużat taħt l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni fl-Isport fil-kapaċita’ tiegħu bħala atleta. L-ewwel akkuża kienet dik li kien involut fil-manipulazzjoni ta’ avveniment sportiv, filwaqt li t-tieni akkuża tirrelata mal-fatt li naqas li jirraporta l-fatt tar-reat lill-Kummissarju tal-Pulizija fi żmien 14-il jum.
Abbażi tad-deċiżjoni ta’ ħtija mgħotija u mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ appell min-naħa tas-sur Pisani, il-każ kien riferut lill-Kumitat tal-Etika u l-Konformita’ tal-Assoċjazzjoni.
U għalhekk in vista tal-akkużi in kwistjoni u b’kunsiderazzjoni ta’ Sezzjoni 18, Reputational Risk Managemnet Policy, wara r-rakommandazzjoni tal-Kumitat tal-Etika u l-Konformita’ anki jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali mhux res judicata, il-kundanna tagħti lok għal danneġjament fil-livell ta’ reputazzjoni li l-Assoċjazzjoni ma tistax raġonevoment tinjora u għalhekkk wara konsultazzjoni mal-President u l-viċi presidenti tal-Assoċjazzjoni abbażi tal-Istatut tal-Assoċjazzjoni Sezzjoni 1 Artikolu 38 (9) , l-plejer kien sospiż temporanjament u dan pendenti l-eżitu tad-deċiżjoni finali fil-proċeduri quddiem il-Qrati.
Għaldaqstant is-sospensjoni hija ta’ natura prekawzjonarja minn kull attivita’ tal-futbol sakemm ikollna eżitu finali. Din mhux miżura dixxiplinari, iżda qiegħda ssir bl-għan li tħares l-integrita’ tal-futbol u r-reputazzjoni tal-Assoċjazzjoni u kif diġa’ indikajt se tibqa’ taħt reviżjoni.
Diskors tal-President
Ħbieb, kif stajtu taraw l-aħħar xhur kienu xhur ta’ ħidma intensiva għall-Assoċjazzjoni, mhux kollox irnexxa kif ippjanat iżda fil-futbol tagħmel l-almu tiegħek kollu u wara ma jkollokx il-kontroll assolut fuq ir-riżultat, iżda jekk l-affarijiet isiru b’konvinzjoni u determinazzjoni, anki r-riżultati li tkun tixtieq jaslu, jekk mhux mill-ewwel wara perjodu jaslu.
Qed nesprimi ruħi b’dan il-mod għaliex fil-parti sportiva għalkemm sar ħafna ġid u progress sal-lum mhux kollox għadu rnexxa kif nixtiequ. It-tieqa internazzjonali ta’ Marzu ma tagħtnix dak li konna ilna naħdmu għalih, iżda ma naqtawx qalbna, għaliex rajna qlubija u għaqda nazzjonali mill-pubbliku sportiv u għaliex nemmnu fil-kapaċitajiet tagħna u tal-iskwadri nazzjonali tagħna. Ir-riżultati tat-tim nazzjonali tal-Irġiel kontra l-Lussemburgu meta riflessi ma’ dak li l-iskwadra rnexxielha tagħmel fil-kwalifikazzjoni għat-tazza tad-dinja ftit xhur qabel, ċertament li ma kienux sodisfaċenti. Iżda minn Settembru se nerġgħu nfittxu dik il-promozzjoni li tant nixtiequ, konvinti aktar minn qatt qabel li din id-darba rridu nkunu aktar deċiżivi fuq il-pitch biex nikkonfermaw it-tant tajjeb li sar fl-aħħar snin.
U dan qiegħed ngħidu b’sens ta’ responsabbilta’ għaliex minn eroj f’Novembru fejn it-tim spiċċa b’rekord ta’ 5 punti fil-klassifika, għat-tieni darba fi ftit snin taħt din l-amministrazzjoni, spiċċajna kkritakati għal prestazzjonijiet tat-tim li fit-tieqa internazzjonali preċedenti tant tana gost. Iżda l-kritika kostruttiva ma ddejaqnix, anzi nilqgħuha u nissaħħu biex flimkien naslu nilħqu l-objettivi.
U rrid infakkar li konna ġejjin minn perkors tajjeb, għall-ewwel darba ma spiċċajnix l-aħħar fil-gruppi u li meta wieħed iqis l-istatistika, fl-aħħar snin kellna aktar minnn 30% tar-riżultati fil-kamp internazzjonali li spiċċaw b’riżultat pożittiv u dan huwa ta’ prestiġġju speċjalment meta tqis żewġ promozzjonijiet fil-kamp femminili u għall-ewwel darba għaddejna għar-round ta’ kwalifikazzjoni anki fid-dixxiplina tal-futsal. Ma ġejtx hawn quddiemkom biex niġġustifika għaliex imweġġa’ daqs kull partitarju li s’issa ma rnexxilnix naslu fil-kamp maskili iżda dak li sar tajjeb ma nistgħux narmuh imma irridu nużawh biex inkomplu nikkonsolidaw u nikbru għall-futur.
Huwa fatt li fl-aħħar laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tkellimna dwar ħarsa ġenerali tal-proġett tekniku u biex fejn hemm bżonn reviżjonijiet isiru, fil-fatt fix-xhur li ġejja sa Ġunju se nkunu qiegħdin nanalizzaw dan kollu u permezz tal-fora u d-dipartimenti kompetenti naslu għal deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu l-pożizzjoni sportiva u kompetittiva tat-timijiet nazzjonali tagħna inkluż li nippreżentaw ir-riforma fil-livell ta’ nurseries li dejjem kienet ppjanat li ssir iżda sal-lum għadha ma twettqitx.
Fil-fatt din hija waħda mill-ftit riformi li għadha tistenna għaliex matul l-aħħar snin konna kapaċi nippreżentaw u nimplimentaw riformi mportanti ħafna speċjalment fil-governanza, liema riformi wassluna nistabilixxu lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol bħala waħda mill-aktar assoċjazzjonijiet fid-dinja attrezati fil-qafas regolatorju prinċiparjament fil-kontabbilita’ u t-trasparenza neċessarja biex tmexxi organizazzjoni bħall-MFA.
Fost l-aħħar kisbiet fl-aħħar jiem kellna l-konferma ta’ abbozz dwar il-privitazzjoni tal-klabbs tal-futbol. Opportunita’ sabiex il-mudell li dejjem tħaddem ikun estiż b’mod li investituri jkomplu jinvestu fil-futbol Malti grazzi għal qafas li jagħmel sens għaż-żminijiet tal-lum u għal kapaċita’ li toffri l-logħba. Dan mhux biss pass importanti biex il-klabbs isiru kummerċjalment vjabbli, iżda wkoll biex il-klabbs jattiraw investiment ġdid u tiżdied is-sostenibbilita’. Dawn huma kollha innovazzjonijiet fil-futbol tagħna li persważ se jħallu effett pożittiv maż-żmien. Dawn l-aspetti strateġiċi m’għandhomx jiġu njorati għaliex permezz ta’ mudelli bħal dawn nistgħu nkomplu nkabbru l-ekonomija tal-futbol f’pajjiżna u noffru prodott tekniku komprensiv u ta’ trasformazzjoni.
Matul l-istaġun dejjem nirċievi telefonati, messaġġi u videos dwar l-uffiċjali u l-mod kif ikkontrollaw u ddeċidew l-episodji fil-partiti. Ntenni li l-MFA tinvesti biex tpoġġi lill-uffiċjali fl-aħjar kundizzjoni mentali, fiżika u teknika, iżda ma nistgħux nagħtu garanziji aktar minn hekk, ħlief li niddeċiedu li ngħinu lill-uffiċjali tagħna permezz tat-teknoloġija, aspett li kien introdott minn dan l-istaġun u li qiegħed jgħin biex il-logħba tkun aktar ġusta u kulħadd jieħu dak li ħaqqu. L-għan huwa dak li nkomplu ninvestu biex inkopru aktar partiti matul l-istaġun u għalkemm il-kontroversji diffiċli jinqatgħu, permezz tat-teknoloġija nkomplu nifurmaw u nsawwru l-futur tal-logħba. Fil-livell minuri l-għan huwa dak li nkomplu bl-edukazzjoni u t-tagħlim professjonali sabiex l-iżvilupp ma jonqosx, imma anki hawn m’hemmx garanzija li ma jittieħdux żbalji, l-istess kif noħduhom aħna l-amministraturi, il-plejers u l-kowċis tagħkom. Li nassigurakom huwa li hemm proċessi interni li jevalwaw kull partita, kull prestazzjoni, kull episodju u mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ deċiżjoni jew oħra, nassigurakom li nimxu fuq dawk li huma l-protokolli internazzjonali b’diliġenza u trasparenza.
Mil-lat ta’ infrastruttura żgur li taħt din l-amministrazzjoni sar xogħol kbir. Il-legat qed jibda jinħass għaliex l-investiment fl-infrastruttura tal-klabbs membri permezz ta’ stadiums reġjonali u art artifiċjali madwar Malta u Għawdex, dak fil-kumpless f’Ta’ Qali u oħrajn, ma waqfux tul is-snin kemm ilni involut fl-Assoċjazzjoni. Immoderniżżajna, iżda mhux biss, bnejna Ċentru Nazzjonali tal-Futbol sabiħ mingħajr ma tfajna piż fuq l-Assoċjazzjoni u l-finanzi tagħha. Irnexxielna nagħmlu dan grazzi għall-għaqal u l-intraprendenza, binja li se tiswa kemm għall-futbol Malti iżda wkoll minn fejn inkomplu ndaħħlu introjti permezz tat-turiżmu sportivi liema flejjes jerġgħu jmorru f’investiment fl-eko-sistema tal-futbol. U ta’ dan nixtieq nirringrazzja lil Gvern Ċentrali li jemmen bis-sħiħ fil-viżjoni tal-MFA u fil-missjoni tal-futbol.
Iżda issa wasal ukoll iż-żmien li mhux biss nitkellmu imma nħejju u nibdew proġett ġdid. Għadkom kif rajtu dak li qed nippjanaw għal Ta’ Qali, ħolma li kull dilettant sportiv għandu, dak li jkollna stadium nazzjonali ġdid u li jkun jaqdi l-funzjonijiet sportivi imma mhux biss. Kumpless ta’ livell li jista’ jilqa’ fih partiti domestiċi u internazzjonali imma wkoll li joffri esperjenza lill-partitarji u l-pubbliku sportiv. Kif wettaqna ħafna proġetti li dehru ambizzjużi u rnexxielna, l-istess se nagħmlu għal dan il-proġett u b’hekk dak kollu li kont wegħedt fl-2019 mal-ħatra ta’ president ikun seħħ kważi fl-intier tiegħu. Il-fatti jitkellmu waħidhom ta’ kemm u fejn irnexxielna naslu flimkien u għalkemm fadal min jiddubitana f’kollox, ftit ftit, pass wara pass, dejjem nirrispondu b’tiġdid u fatti li diffiċli tmerihom.
Finalment nitkellem ftit fuq il-finanzi tal-MFA. Ħa nibda b’statement importanti…l-MFA għamlet il-profitt u wara numru ta’ snin fejn konna affetwati b’mod negattiv minħabba il-waqfien mill-futbol milgħub u l-attivita’ kollha li l-logħba ġġib magħha għal żewġ staġuni konsekuttivi, iva nieħu gost ngħid li ħriġna mid-diffikultajiet. Naf x’qed jirrapurtaw assoċjazzjonijiet oħra madwarna u sfortunatament mhux kulħadd jista’ jesprimi ruħu bħali bħalissa.
Wara li s-sena ta’ qabel għamilna profitt marġinali, illum qed nippreżentaw pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha u li tirrifletti dak li approvajna flimkien ftit tas-snin ilu biex naslu nirkupraw id-defiċit finanzjarju li kkawżatilna l-pandemija. B’hekk huwa ta’ pjaċir għalija li kif spjegaw it-teżorier u l-awditur estern, m’hemmx lok għal dubju dwar fejn tinsab l-MFA finanzjarjament. U lanqas li kieku, ma niddejjaqx li wasalna s’hawn, għaliex dak kollu li investejna fih għamilnih biex nassistu lil membri fiż-żmien diffiċli tal-pandemija u biex inkomplu ngħinu permezz ta’ assistenza finanzjarja f’kull livell lill-klabbs u l-assoċjazzjonijiet membri. Konna kapaċi nġibu fondi ulterjuri għall-proġetti kapitali u għalhekk ħadd ma baqa’ lura, anzi mhux talli żammejna l-iskemi u l-programmi ta’ żvilupp eżistenti, iżda komplejna nżiedu u nagħmlu solidarjeta’ tul is-snin kollha. Il-fatti jitkellmu waħidhom u kif jgħid il-Malti dejjem se ssib lil min ma jilħaqx l-għeneb u jgħidlu qares, iżda aħna nibqgħu ffukkati fuq il-ħidma, ir-relazzjonijiet magħkom u favur dak kollu li jkompli jmexxi l-logħba ‘l quddiem.
B’hekk nirringrazzjakom dejjem tal-appoġġ kontinwu u nwiegħdkom aktar ħidma u servizz lejn il-bżonnijiet tagħkom u tal-logħba u dan biex ma naqgħux lura anzi biex dejjem nkunu hemm fil-mument tal-bżonn.
Il-kompetizzjoni fuq il-pitch sabiħa, l-antagoniżmu joffri spetakklu, iżda fuq kollox dejjem għandna naġixxu b’rispett lejn xulxin ħalli nkomplu nsaħħu din il-familja kbira sportiva.
Grazzi lil kulħadd tal-fiduċja, nirringrazzjakom tal-ħidma favur il-futbol Malti u Għawdxi u nawguralkom it-tmiem ta’ kampjonat it-tajjeb.

