Saturday, November 16, 2024

Iffirmat ftehim għaż-żamma tal-Mitħna tax-Xarolla

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ppresjeda l-iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. B’dan il-ftehim id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jintrabat li jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq l-antinni, il-qlugħ u x-xaft prinċipali tal-mitħna, kif ukoll fuq is-saqaf tal-injam.

Il-Mitħna tax-Xarolla nbniet fl-1724 u hija l-aktar waħda li damet tagħti servizz lill-pubbliku sal-bidu tat-tieni gwerra dinjija. Apparti l-valur kulturali għoli, dan is-sit jiġbed lejh ukoll ammont kbir ta’ turisti kuljum. Għalhekk, wara li ġarrbet diversi ħsarat intensivi kkawżati mill-maltemp, il-Gvern kien ħa d-deċiżjoni li jagħti l-kontribut fil-manutenzjoni tal-post u jiżgura li l-mitħna fiż-Żurrieq tibqa’ topera.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia esprima sodisfazzjon li permezz ta’ dan il-ftehim se tibqa’ ssir iż-żamma tal-mitħna li hija wkoll t’importanza fis-settur tat-turiżmu kulturali. Għaldaqstant, saħaq li b’dan il-ftehim se jkunu qegħdin igawdu minnu kemm il-komunità Żurrieqija kif ukoll kull min iżur dan il-monument storiku.

“Bl-għajnuna ta’ dan il-ftehim qed niżguraw li l-Mitħna tax-Xarolla tibqa’ tingħata l-attenzjoni biex dan il-wirt storiku li ħallewlna missirijietna jibqa’ jitgawda fiż-żmien li ġej,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima rringrazzjat lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed tibqa’ ssir il-manutenzjoni li jkun hemm bżonn fuq il-Mitħna tax-Xarolla.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm id-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello, id-Direttur tas-Servizzi u Manifatturi tax-Xogħlijiet Pubbliċi Raymond Caruana, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq Josianne Cilia Mumford u kunsilliera.

Ekonomija

Sport