Sunday, December 22, 2024

Il-Ġimgħa d-dieħla se jiġi inawgurat il-European Digital Innovation Hub

Aqra wkoll

Il-ġimgħa d-dieħla se jiġi inawgurat uffiċjalment il-European Digital Innovation Hub (DiHubMT) fl-Imrieħel. Proġett li se jkun qiegħed jassisti lil start-ups u SMEs sabiex ikunu jistgħu jibbefikaw minn mentorship, servizzi ta’ pre-accelerator u incubator kif ukoll aċċess għal High Performance Computer. 

Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi tal-Budget 2025 għal dan il-Ministeru. 

Fid-diskors tiegħu, l-Ministru Schembri ta aktar dettalji dwar il-proġett ta’ DiHubMT li se jkun qiegħed joffri għodod bla ħlas lill-istartups, sabiex dawn jagħmlu t-test tagħhom, sew jekk hux 3D printing, sistemi ta’ riċerka jew sistemi teknoloġiċi oħra bil-mod tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Huwa spjega li kieku dik l-istartup ikollha tixtri biex tagħmel użu minn dawn is-servizzi ma tagħmilhiex hekk kif il-kapital ikun għoli u riskju għal dik l-idea tkun għolja wisq. 

“Bħala Gvern għedna li se nagħmlu post, nixtru l-apparat aħna u tista’ tiġi u tużah b’xejn. Imma mhux bil-paroli. Dan il-ġimgħa d-dieħla se nkun qiegħed ninawgurah u jkun opportunità għaż-żgħażagħ u l-istartups tagħna biex jibdew u jgawdu minnu.”

Apparti minn hekk fl-istess DiHubMT se jkun hemm l-ewwel High Performance Computer. Din l-infrastruttura se tgħin biex dawn il-kumpaniji jkollhom l-għodda sabiex jagħmlu r-riċerka tagħhom fi żmien qasir. Sallum il-ġurnata biex dawk l-istudenti u start-ups jagħmlu użu minn dan is-servizz iridu jsiefru l-Italja bi spiża ta’ madwar €25,000.

Il-Ministru Schembri tkellem ukoll dwar il-proċess li l-Gvern nieda b’rabta mal-Viżjoni Malta 2050, b’miri strateġiċi sal-2035. Huwa semma kif dan il-proċess se jkun wieħed miftuħ, ta’ nazzjon sħiħ, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-MCESD li diġà bdew jiddiskutu din il-viżjoni fit-task force speċifika tiegħu. 

Huwa fakkar illi l-għada li tħabbar il-Budget 2025, spjega 13-il miżura konkreta li uhuma l-bidu tal-proċess li permezz tagħhom se jelevaw l-attività ekonomika f’pajjiżna. Fost dawn hemm ir-riforma fil-Malta Enterprise. 

Dwar INDIS Malta, il-Ministru Schembri ħabbar li se jkun qiegħed jitwaqqaf Att ġdid li jirregola l-INDIS fejn l-allokazzjoni tal-art bil-liġi, tkun qed tingħata wkoll fuq il-valur miżjud tal-attività. Flimkien ma’ dan kollu, se tkun qiegħda titwaqqaf ukoll politika industrija għal pajjiżna. 

Huwa tenna jgħid li Malta qed tħejji wkoll l-infrastruttura meħtieġa għad-Digital Identity Wallet, inizjattiva li se tippermetti liċ-ċittadini u n-negozji Maltin jaqsmu l-identità diġitali tagħhom b’mod sigur, faċli u effiċjenti. Dan il-wallet se jkun disponibbli bħala app fuq smartphones.

Ekonomija

Sport