Saturday, December 21, 2024

“Il-kosta tagħna lkoll…għandna l-obbligu li nħarsuha minn kummerċjalizzazzjoni esaġerata” – Carmel Cacopardo

Aqra wkoll

“Il-kosta tagħna lkoll. Għandna l-obbligu li nħarsuha minn kummerċjalizzazzjoni esaġerata li ilha għaddejja s-snin.” Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa minn ġewwa Marsaskala.

Cacopardo qal li dak li qiegħed iseħħ f’Marsaskala huwa biss eżempju wieħed ta’ kif il-kosta hija kkunsidrata biss bħala opportunità ta’ negozju għal żvilupp bla rażan li jkompli jbaxxi l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu madwar il-kosta. Qal li fost l-eżempji li jispikkaw wieħed jista’ jsemmi l-Freeport Terminal, Manoel Island, il-Bajja tal-Balluta, il-Waterfront tal-Birgu, il-yacht marina fil-Kalkara u l-Valletta Waterfront. 

Huwa qal: “Madwar erba’ snin ilu il-Parlament kien approva liġi dwar id-dimanju pubbliku biex tħares il-kosta. Kien intqal ħafna diskors sabiħ dwar din il-liġi u għaqdiet ambjentali kienu ressqu lista ta’ aktar minn 20 sit mal-kosta li kienu jikkwalifikaw għal protezzjoni – dawn l-għaqdiet kienu saħansitra indagaw dwar is-sidien ta’ dawn l-artijiet. Imma jidher li la l-Awtorità tal-Artijiet u lanqas l-Awtorità tal-Ippjanar ma ħadu azzjoni anke fejn ma kienx hemm dubju li l-art kienet pubblika. Għaliex napprovaw liġijiet jekk ma jkollniex il-ħsieb li nimplimentawhom?”

Żied jgħid: “Barra minn hekk kif ġie emfasizzat fil-konferenza dwar il-klima li qegħda issir fi Glasgow, l-iSkozja, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal biex il-livell tal-baħar jogħla, b’impatt devastanti fuq gżejjer bħal Malta. Mhux biss tintlaqat l-infrastruttura ta’ pajjiżna li hija mfassla mal-kosta – dik marittima, tat-turiżmu kif ukoll tad-dawl u l-elettriku – imma anke b’impatt sostanzjali fuq dawk iż-żoni residenzjali viċin il-baħar.”

Brian Decelis, kandidat tal-ADPD għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-tielet u ir-raba’ distrett, qal li l-lokalità ta’ Marsaskala hija xempju ta’ kif il-kosta mhux qegħda tiġi ikkunsidrata bħala li għandha tappartjeni liċ-ċittadin b’diversi eżempji ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp li jhedded l-aċċess liberu. 

Ekonomija

Sport