Thursday, March 28, 2024

IL-LINJA PARIĠI-BERLIN

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ir-rabta bejn Pariġi u Berlin hi kruċjali għall-iżvilupp tal-politika Ewropea. Jekk tibqa’ teżisti fiduċja bejn iż-żewġ naħat, anke meta ma jkunux qed jaqblu, xi mod ta’ ftehim bejniethom jista’ jinstab fuq kwistjonijiet delikati. Mingħajr ftehim hekk, ma jkunx wisq possibbli li jinħadem kunsens lejn ftehim wiesa’ “Ewropew”.

Bejn l-amministrazzjoni tal-President Macron, li x’aktarx  tinsab riesqa għal ħames snin oħra ta’ tmexxija, u dik tal-kanċellier ġdid Scholz, kollox juri li l-elementi jeżistu għal konverġenza ta’ fehmiet. Iż-żewġ mexxejja jafu lil xulxin u t-tnejn jidhru impenjati favur aktar żvilupp tal-għaqda Ewropea imma b’mod kawt, mhux lanqas fit-tmexxija taż-żona tal-ewro. Hawn Franza tibqa’ aktar miftuħa għal reviżjoni tar-regoli finanzjarji mill-Ġermanja fejn fil-koalizzjoni tal-gvern il-liberali se jkunu qed jirreżistu “wisq” bidliet.

Se tkun interessanti wieħed jara kif se jinstab bilanċ bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tal-enerġija, mhux l-anqas dwar in-nukleari.

***

IL-LOGĦOB TAL-AZZARD

Sal-lum għadni mistagħġeb kemm sa mill-bidu nett kienet wiesgħa fostna l-aċċettazzjoni tal-logħob tal-ażżard minn fuq l-internet bħala ħidma ekonomika u finanzjarja ta’ interess. Mhux għax ma ħallietx u ma tħallix qligħ sostanzjali: imma forsi wieħed kien jistenna kawtela quddiem attività li tibni fuq il-“vizzju” tal-logħob? Dan barra milli kif l-esperjenza turi, hu settur li jattira ħidma kriminali ta’ min irid jaħsel il-flus u ta’ min jesplojta l-logħob b’metodi kriminali.

L-ebda għarfien ta’ dawn l-aspetti ma ntwera sa fejn naf jien — l-ebda twissija mill-għaqdiet tan-negozju, mit-trade unjins, mill-Knisja jew mill-akkademja. Anzi pjuttost tkebbset ħerqa għal din l-attività fuq il-bażi li kienet waħda ta’ “teknoloġija avvanzata” għax tinqeda bl-internet.

Sadattant għadu diffiċli sew biex mill-istatistika uffiċjali, wieħed jifhem eżatt kemm hu kbir is-settur tal-logħob tal-ażżard bl-internet u xinhu s-sehem sħiħ tiegħu fl-ekonomija. 

***

DEMONIZZAR 

Esponenti tal-lemin regolarment jitnhedu fil-pubbliku li qed jiġu vittimizzati. Kull meta tassew isir hekk, ħaġa ovvja, isir ħażin u kull każ fejn dan ġara hu kundannabbli.

Min-naħa l-oħra, wieħed jinnota kif in-naħa tal-lemin regolarment tiddemonizza l-avversarji politiċi jew lil nies li ma jkunux ikkonformaw mal-aspettattivi tagħha. U l-iddemonizzar isir b’ħanġra kbira, bi kliem ta’ disprezz użat fuq diversi livelli ta’ kumnikazzjoni. Dwar hekk, ma nisimgħu l-ebda kummenti kritiċi.

L-aħħar wieħed li ġie demonizzat b’dal-mod kien l-Ispeaker tal-Parlament, Dr Anġlu Farrugia. Fl-isforz li sar u li x’aktarx ikun għadu għaddej meta jidher dan, ma ntweriet l-ebda kunsiderazzjoni għal-rwol li qed imexxi, fl-opinjoni tiegħi, tajjeb. Tal-lemin ma baqgħu lura mill-ebda lingwaġġ biex jiddenigrawh.

Din il-kampanja wkoll jistħoqqilha kundanna. 

Ekonomija

Sport