Sunday, October 27, 2024

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni b’appell sabiex kulħadd jiddiskuti l-fatti li tqiegħdu fuq il-mejda

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jinnota l-istqarrija tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) li fiha qalet li se tipposponi l-vot marbut mal-ftehim settorjali kif propost u maqbul bejn il-Gvern u l-unjin.

F’dan l-istadju l-Ministeru jappella biex kulħadd jiddiskuti l-fatti li tqiegħdu fuq il-mejda u li ġew diskussi mill-unjin ma’ sezzjoni ta’ edukaturi. Il-Ministeru jħares ’il quddiem biex dawn l-istess edukaturi kollha li huma milquta minn dan il-ftehim settorjali ikunu qed jingħataw stampa ċara u veritiera ta’ dak li qed jiġi offrut u ta’ dak li se jibbenefikaw minnu la darba dan il-ftehim settorjali jiġi ffirmat.

Minkejja li ħarġet stqarrija konġunta, flimkien mal-Unjin tal-Għalliema fl-24 ta’ Mejju, li wriet li kien hemm qbil aħħari, il-Gvern fehem li l-unjin ħasset il-ħtieġa ta’ amplifikazzjoni ulterjuri. Bħal dejjem, it-twemmin ta’ dan il-Gvern huwa li s-soluzzjonijiet jinstabu madwar il-mejda fejn sar sforz ieħor biex nassiguraw li l-ftehim jiġi ssiġillat mingħajr ma nippreġudikaw ir-rispett lejn l-edukaturi, it-tfal u s-sostenibbilità.

Nerġgħu nsostnu li l-Gvern jemmen bi sħiħ li dan huwa ftehim li joffri pakkett finanzjarju li jtejjeb ir-remunerazzjoni b’ġustizzja lejn il-professjoni b’żidiet sostanzjali u titjib fil-kundizzjonijiet li jiżboq kull żieda li qatt ingħatat qabel lill-edukaturi kollha koperti b’dan il-ftehim.

Il-Gvern se jkollu rwol importanti biex jinforma lill-edukaturi bil-benefiċċji li hemm f’dan il-ftehim settorjali.

Sport