Il-Ministru Fearne jappella għal rwol aktar b’saħħtu tal-Commonwealth fil-ħarsien tas-sigurtà marittima

Aqra wkoll

Il-Commonwealth għandha tieħu pożizzjoni ċara favur il-libertà tan-navigazzjoni fl-ibħra internazzjonali u tagħti aktar importanza lill-protezzjoni tal-infrastruttura kritika taħt il-baħar. Dan kien l-appell tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne, waqt intervent fil-laqgħat tal-Commonwealth li qed isiru f’Antigua u Barbuda.

Il-Ministru Fearne esprima tħassib dwar it-theddid għas-sigurtà marittima, partikolarment f’żoni bħall-Baħar l-Aħmar, u saħaq li l-Commonwealth għandha tkun aktar attiva fid-difiża tal-libertà tal-passaġġ marittimu, skont il-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar.

Huwa enfasizza wkoll il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lis-sigurtà tal-infrastruttura taħt il-baħar, fosthom il-linji tal-komunikazzjoni, l-interconnectors u l-pipelines. Bħala stat gżira, Malta tiddependi fuq din l-infrastruttura għal servizzi essenzjali, inkluż il-komunikazzjoni diġitali u l-konnettività internazzjonali.

Il-Ministru Fearne sostna li, fi żmien meta l-multilateraliżmu qed jiffaċċja sfidi dejjem akbar, il-Commonwealth għandha ssaħħaħ il-vuċi tagħha favur id-demokrazija, il-kooperazzjoni internazzjonali u r-rispett lejn il-prinċipji komuni li jgħaqqdu lill-pajjiżi membri.

F’intervent separat waqt il-Laqgħa Ministerjali tal-Commonwealth dwar il-Pajjiżi Żgħar, il-Ministru Fearne appella għal aktar appoġġ biex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jiksbu finanzjament għal proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima.

Huwa ħeġġeġ lill-pajjiżi membri jagħmlu aktar użu miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Commonwealth għall-Pajjiżi Żgħar, ibbażat f’Malta, li jgħinhom jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima u jiksbu l-finanzjament meħtieġ.

Il-Ministru spjega li pajjiżi membri diġà rnexxielhom jiksbu finanzjament bl-għajnuna tal-ħidma taċ-Ċentru u appella għal aktar kooperazzjoni biex ikunu jistgħu jibbenefikaw aktar pajjiżi.

Permezz ta’ dawn l-interventi, Malta qed tkompli tressaq fuq l-aġenda internazzjonali kwistjonijiet li jolqtu direttament is-sigurtà, il-konnettività u r-reżiljenza tal-pajjiżi ż-żgħar, filwaqt li tippromwovi rwol aktar attiv u effettiv tal-Commonwealth.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport