Gvern bi pjan li jdur mal-ħtieġa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Fuq kollox b’attiviżmu politiku li jdur mar-rieda li jibqa’ jindirizza r-realtajiet ta’ madwaru. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt diskussjoni politika fil-Belt Valletta li mmarkat t-tliet snin tiegħu bħala Prim Ministru u mexxej tal-partit. Huwa enfasizza kif quddiem l-isfidi li jeżistu u li jistgħu jiżviluppaw minn żmien għal żmien, il-pensjonanti u l-familji se jibqgħu jsibu Gvern spalla ma’ spalla magħhom. Hawnhekk huwa qal li beda s-sena li għaddiet bl-istess mod li bdieha u li hekk se jibqa’ jagħmel hekk kif kompla u se jkompli jiltaqa’ man-nies. Tkellem ukoll dwar is-sodisfazzjon tiegħu li jiltaqa’ man-nies u jirringrazzjawh għal dawk id-deċiżjonijiet li jkun ħa. Fosthom huwa semma’ lil dawk li jkellmuh wara xi investiment, dawk li jkunu sabu għajnuna minħabba wliedhom b’diżabbiltà u li b’deċiżjonijiet li jkun ħa, jkun żidilhom id-dinjità tagħhom u negozji oħrajn ta’ kull daqs li jirrikonoxxu l-investiment li pajjiżna qed ikompli jattira.
Żied jgħid dwar ir-ruħ soċjali u t-twemmin tal-moviment Laburista li fl-iktar mumenti ta’ prova jkun hemm għall-familji Maltin u Għawdxin. Fakkar dwar l-għajnuna kontinwa lill-pensjonanti li ħaqqhom kull rikonoxximent minħabba dak li għamlu fis-snin li għaddew għal pajjiżna. Spjega li din is-sena reġgħet bdiet b’dawn il-pensjonanti li bdew jirċievu żieda oħra fil-pensjonijiet tagħhom. Dan hekk kif madwar 95,000 pensjonant bdew igawdu minn rati mtejba fil-pensjonijiet tagħhom, hekk kif matul fl-aħħar jiem ntbagħtu l-pagamenti bir-rati l-ġodda, żieda fil-pensjoni tal-irtirat u titjib fil-pensjoni tar-romol fost titjib f’pensjonijiet oħra.
Tkompli l-ġlieda tal-gvern kontra l-faqar
Il-Prim Ministru sostna wkoll li bħalma żdiedu l-pensjonijiet, żdiedet ukoll ic-children’s allowance. Minkejja dan, huwa sostna li dan il-Gvern jibqa’ jirrikonoxxi l-fatt li minkejja l-Gvern qed jagħti l-għajnuna, ikun hawn min xorta qed jgħolli l-prezz. Qal li filwaqt li kull żieda tinħass, il-gvern huwa konxju li ma jistax jixħet il-piż fuq iċ-ċittadini u għalhekk qed jaġixxi b’tali mod li f’Malta żammejna fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Hawnhekk huwa rrefera għal statistika tal-ewrobarometru li ħarġet fl-aħħar jiem u li indikat kif il-Maltin huma l-iktar sodisfatti bl-azzjonijiet tal-gvern biex jilqa’ għall-isfidi. Kompla biex jgħid dwar il-mekkaniżmu ġdid tal-COLA u li permezz tal-introduzzjoni tiegħu, ftit tal-jiem ilu, iktar minn 40,000 persuna li kienu l-iktar fil-bżonn gawdew minn dan il-mekkaniżmu targeted. Dwar din l-għajnuna Abela qal li din mhix għajnuna li qiegħda tingħata sakemm tintemm il-gwerra, iżda għajnuna intiża li tibqa’ tiġġieled il-faqar.
L-investiment jibqa’ pilastru ewlieni
Il-Prim Ministru saħaq ukoll dwar l-importanza ta’ Għawdex li kien, għadu u jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern. Sostna li għal dan il-gvern, Għawdex huwa mutur ekonomiku u għalhekk qatt ma baqa’ lura milli jinvesti kemm jista’ f’dawk li huma l-ħtiġijiet tal-Għawdxin. Tkellem fost l-oħrajn dwar konettività aħjar bejn il-gżejjer bl-introduzzjoni anke tar-raba’ vapur, għal investiment miljunarju f’oqsma oħra, investiment fil-produzzjoni tal-ilma, investiment fl-edukazzjoni u anke fl-ambjent.
Dwar l-emenda mressqa fil-Parlament maħsuba li tħares is-saħħa tal-mara f’każ ta’ kumplikazzjonijiet serji waqt it-tqala, il-Prim Ministru qal li biha, jekk hemm mara f’periklu li titlef ħajjitha u l-professjonist mediku jaġixxi, ikun hemm is-serħan legali. Spjega li din l-emenda nibtet minn parir tal-Avukat tal-Istat wara li dan tal-aħħar qal li jekk wieħed ikun qed jaġixxi f’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun qed jikser il-liġi.
“La taf li hemm il-periklu, ntuk il-protezzjoni biex ma nħalluhiex tasal f’xifer il-mewt biex naġixxu… U dik li qed tagħti din il-liġi. Ħajja jew mewt jew periklu gravi, u l-kelma gravi mhix kumbinazzjoni, periklu gravi għas-saħħa għax huma l-iktar każi iebsin li rridu nindirizzaw… U allura r-riforma se ssir. Iżda, issir bil-għaqal. B’mod li tilħaq l-għanijiet li tkellimna fuqhom u nissalvagwardjaw il-prinċipji, iżda bis-serħan il-moħħ li l-emenda titħaddem biss biex tilħaq dawk il-prinċipji”, saħaq Abela.
Għajnuna biex aktar persuni jsiru sidien ta’ djarhom
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-iskema fejn kull first-time buyer li ħa house loan mis-sena li għaddiet, se jibda jingħata għotja ta’ €10,000. Huwa qal li din il-miżura kienet waħda mill-inizjattivi li tħabbru għall-budget ta’ din is-sena u li l-wegħda li saret fil-kampanja elettorali tapplika għal dawk il-first-time buyers li xtraw proprjeta mill-ewwel ta’ Jannar tas-sena li għaddiet. Fakkar li din il-miżura hija waħda ewlenija tal-elezzjoni ġenerali li ġiet implimentata sa mill-ewwel budget għax hija fost il-prijoritajiet ta’ dan il-gvern. Saħaq li din hija inizjattiva li nibtet mill-ħsieb li fl-ewwel snin ta’ meta bniedem ifittex l-ewwel dar tiegħu u jieħu self, u allura jkun qed isib saqajh, tkun teżisti din l-għotja ta’ €1.000 fis-sena għal għaxar snin biex tgħin biex jittieħed dan il-pass importanti fil-ħajja ta’ dak li jkun.
Il-Prim Ministru kellu messaġġ ċar għal dawk li attendew fil-Belt Valletta u dawk kollha li segwewh hekk kif ta l-kelma tiegħu li kulħadd se jibqa’ jsib il-bibien miftuħin għax dan il-gvern konxju ta’ kemm in-negozju jrid jitħalla jaħdem. Abela saħaq li min-negozju jiġi ġġenerat il-ġid u minnu mbagħad ikun jista’ jkompli jitwettaq l-investiment fil-familji Maltin u Għawdxin.
“Familji li tant għandna fiduċja fihom. Bħalma għandna fiduċja fin-negozji, fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna u fuq kollox fiduċja f’pajjiżna”, temm jgħid il-Prim Ministru.