Tuesday, December 24, 2024

Imħabbra r-rebbieħa ta’ Premju Anzjanità Attiva 2024

Aqra wkoll

Il-Premju Anzjanità Attiva 2024 ġie ċċelebrat b’ċerimonja li rrikonoxxiet l-impenn, id-dedikazzjoni, u l-kontribut ta’ individwi u organizzazzjonijiet li jagħmlu ħidma estensiva favur l-Anzjanità Attiva. Din l-attività annwali taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta kienet parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ottubru, ix-xahar iddedikat għall-anzjani.

Preżenti għall-avveniment kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea. Fl-indirizzi tagħhom, huma faħħru l-ħidma bla heda ta’ dawk kollha involuti biex il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tibqa’ tiġi mtejba, filwaqt li enfasizzaw l-importanza li l-anzjani jibqgħu rispettati u mogħtija l-opportunità li jagħmlu parti sħiħa mill-komunità.

L-indirizz tal-President ta’ Malta ġie moqri mill-Ministru Jo Etienne Abela peress illi ma attendietx minħabba impenji oħra li ma kinux previsti. Fil-messaġġ tagħha l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, qalet li s-soċjetà Maltija għandha tħossha grata, u fuq kollox, fid-dmir, li tirrikonoxxi lill-anzjani bħala forċina tagħha. “Jeħtieġ li napprezzaw id-dedikazzjoni u l-impenn attiv ta’ dawk l-anzjani fostna li, parti mill-ħin u mill-enerġija mentali u fiżika tagħhom iħossu li għandhom jagħtuha lill-bqija tas-soċjetà.”

Waqt l-attività, ġew imħabbra r-rebbieħa f’sitt kategoriji distinti: Premju Anzjanità Attiva, Premju Innovazzjoni u Teknoloġija fl-Anzjanità, Premju Anzjanità Kulturali, Premju Anzjanità Sportiva, Premju Volontarjat fl-Anzjanità, u Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali. Din is-sena, il-bord tal-għażla rċieva wkoll applikazzjonijiet minn entitajiet u gruppi li, bil-proġetti tagħhom, ippromwovu l-Anzjanità Attiva f’oqsma bħal teknoloġija, solidarjetà interġenerazzjonali, u l-isport.

Ir-rebbieħa għal dawn il-kategoriji kienu:

•   Premju Anzjanità Attiva: Is-Sur Joseph Mallia

•   Premju Innovazzjoni u Teknoloġija: Is-Sur Emanuel Pace

•   Premju Anzjanità Kulturali: Is-Sur Karmenu Mallia

•   Premju Anzjanità Sportiva: Is-Sur Joe Bajada

•   Premju Volontarjat fl-Anzjanità: Is-Sinjura Doris Zammit

•   Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali: Mellieħa Home: Janet Farrugia, u Josef Zahra Cutajar.

Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna kif il-Gvern huwa determinat li jkompli joffri u jżid servizzi li jgħinu lill-anzjani jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom u jgħixu ħajja sana u ta’ kwalità. “Is-saħħa hija essenzjali, u l-istrateġija tagħna se tkun iffukata fuq il-prevenzjoni tal-mard fiżiku u mentali. It-tilqim li se jkun offrut mill-ġimgħa d-dieħla huwa pilastru ewlieni fil-kura preventiva.”

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal li l-Premju Anzjanità Attiva jirrappreżenta ċelebrazzjoni tal-ħidma kbira li qed issir minn individwi u organizzazzjonijiet biex l-anzjani jibqgħu attivi u jkomplu jgawdu minn ħajja ta’ dinjità u rispett. Huwa enfasizza kif dawn l-inizjattivi mhumiex biss importanti għall-komunità anzjana, iżda huma wkoll ta’ ispirazzjoni għal kulħadd. “L-impenn tagħna huwa li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet sabiex l-anzjani jkollhom il-mezzi biex jagħtu s-sehem tagħhom fis-soċjetà,” temm jgħid Agius Galea.

Intant, matul il-jum saret esebizzjoni speċjali miftuħa għall-pubbliku, fejn anzjani minn diversi Ċentri għall-Anzjanità Attiva, inkluż Birkirkara, l-Imsida, Tas-Sliema, Marsaskala, il-Mellieħa, u l-Birgu, kellhom l-opportunità li juru l-kreattività u l-ħiliet tagħhom. L-attività inkludiet spettakli ta’ drama, line dancing, daqq tal-pjanu, qari ta’ poeżiji, kif ukoll mużika u żfin, kollha mwettqa mill-anzjani stess, li wrew b’mod ċar it-talenti vasti tagħhom.

Ekonomija

Sport