Saturday, December 21, 2024

Inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ ta’ Pjazza Arċipriet Martin Camilleri fin-Nadur

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-Kunsill Lokali tan-Nadur, inawgurat proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ tal-Pjazza Arċipriet Martin Camilleri, magħrufa bħala l-Pjazzetta. Din il-Pjazza, li tinsab wara l-Knisja tan-Nadur, tilqa’ fiha diversi attivitajiet kulturali, fosthom il-Wirja Agrarja fi żmien l-Imnarja. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €100,000 permezz tal-Iskema għal Proġetti Kapitali ffinanzjata mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-ispazji miftuħa u l-pjazzez fl-irħula huma ta’ importanza kbira għal komunità, hekk kif joffru post fejn ir-residenti jistgħu jiltaqgħu u jissoċjalizzaw flimkien, filwaqt li jsostnu l-karatteristiċi uniċi tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.

“Dan il-Gvern kommess li jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-kunsilli lokali sabiex ikunu huma li jidentifikaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u jressqu ’l quddiem proġetti li jindirizzaw dawn il-bżonnijiet bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli għall-ġid tar-residenti,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

Il-proġett ta’ din il-Pjazza kien jinkludi l-bini ta’ bankini ġodda u sar pavimentar tal-porfido. Saru wkoll kurduni tal-irħam li jikkumplimentaw l-għamara ġdida u inklussiva, li jagħmel il-post wieħed aċċessibbli għal kulħadd. Ġiet installata wkoll sistema ta’ dawl ġdida u mas-siġar iddendel dawl sabiex jagħti dehra differenti lil din il-Pjazza.

Ekonomija

Sport