Wednesday, April 24, 2024

Investiment ta’ €173 miljun fuq erba’ proġetti mis-settur privat

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri se jkun qed iressaq quddiem il- Kumitat Parlamentari tal-Verifika erba’ riżoluzzjonijiet parlamentari biex jitnedew erba’ proġetti li se jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Dawn il-proġetti, li kollha ġejjin mis-settur privat, jammontaw għal total ta’ aktar minn €173 miljun.

Dan huwa sinjal b’saħħtu li s-settur privat għandu fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna u fil-programm ta’ ħidma ta’ dan il-Gvern. Dawn l-investimenti mistennija joħolqu ’l fuq minn 441 post tax-xogħol ġdid fl-erba’ snin li ġejjin.

Fi tlieta minn dawn l-erba’ proġetti diġà hemm il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’każ ieħor għad hemm il-proċess tal-ippjanar għaddej.

Sinifikattiva li dawn il-proġetti kollha se jsiru fuq art li diġà hija żviluppata jew disturbata.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri qal li, “L-andament ekonomiku ta’ pajjiżna jinsab għaddej b’ritmu tajjeb u li l-previżjonijiet għall-futur huma tajbin. Dan ma jgħiduhx biss l-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali, iżda qed jgħidu s-settur privat li qiegħed jinvesti bil-fatti b’miljuni fi proġetti varji f’pajjiżna.”

Dettalji tal-proġetti:

1) Squaring off ta’ Terminal 2 fil-Port Ħieles
Bħala gżira, l-attività tal-Port Ħieles hija vitali għal pajjiżna, mhux biss għax hi kontributur ewlieni għall- ekonomija ta’ pajjiżna, iżda wkoll mil-lat ta’ sigurtà tal-provvista ta’ dak kollu essenzjali, partikolarment l-ikel u l-materja prima, hekk kif hu stmat li 85% tal-importazzjoni kollha ta’ pajjiżna tgħaddi minn dan il-port.
Sa mill-privatizzazzjoni tal-Port Ħieles fl-2004, il-Kumpanija Malta Freeport Terminals kompliet tinvesti bis- sħiħ, tant li għamlet lil Malta ċentru ewlieni ta’ trasbord marittimu fil-Mediterran, b’konnessjonijiet essenzjali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti essenzjali lejn Malta b’aktar minn 110 port madwar id-dinja.

Din il-kumpanija qed tbassar tkabbir organiku ta’ aktar minn 3.5%, iżda fl-istess ħin il-kompetizzjoni minn portijiet oħra fil-Mediterran qed issir dejjem aktar ħarxa. Għaldaqstant, hemm il-bżonn li nkomplu ninvestu fl- infrastruttura sabiex nassiguraw li Malta tibqa’ fiċ-ċentru ta’ din l-attività. Fin-nuqqas ta’ dan, inkunu qed nipperikolaw l-istatus tagħna bħala wieħed miċ-ċentri ewlenija tat-trasbord marittimi fil-Mediterran. Dan ikun ifisser riskju li wħud mil-linji tal-vapuri maġġuri ma jibqgħux jieqfu f’pajjiżna.

Hija realtà wkoll li l-Port Ħieles qed jaffaċċja sfidi ta’ spazju, u studji juru li b’din ir-rata ta’ tkabbir sa jkun laħaq il-kapaċità massima tiegħu sas-sena d-dieħla (2024). Fid-dawl ukoll tal-fatt li l-vapuri futuri ser ikunu itwal minn 400 metru bħala dimensjoni u bi draft li taqbeż is-16-il metru, qed tikber il-ħtieġa ta’ infrastruttura adegwata biex tilqa’ għal dan kollu.

Fil-fatt, il-Malta Freeport Terminals kienet infurmat lill-gvern bil-ħsieb tagħha li jitkabbar Terminal 2 billi jiġi squared off permezz ta’ land reclamation b’espansjoni ta’ 176 metru fil-moll tat-Tramuntana u 195 metru fil-moll tal-Punent, b’spazju ta’ aktar minn 30,000 metru kwadru, sabiex jippermetti li jibda jilqa’ bastimenti ta’ 24,000TEU jew aktar.

Dan il-proġett jinvolvi investiment finanzjarju sinifikanti ta’ aktar minn €103.8 miljun, li €55 miljun minnhom jirrelataw ma’ xogħlijiet infrastrutturali u €48 miljun marbuta ma’ xiri ta’ tagħmir ġdid u infrastruttura relatata. Din l-ispiża tagħmel lil dan il-proġett mhux kummerċjalment viabbli li jsir mill-kumpanija waħedha, u li allura kien jirrikjedi appoġġ tal-awtoritajiet għal madwar nofs l-ispiża relatata mal-parti infrastrutturali.

Fl-isfond tal-benefiċċji kollha li jrendu minn dan il-proġett, fosthom ukoll il-ħolqien ta’ aktar minn 165 post tax- xogħol ġdid, il-gvern se jappoġġja dan il-proġett billi l-Malta Freeport Corporation, li hi s-sid tal-art, tnaqqas l- ekwivalenti somma mill-kirja li l-Malta Freeport Terminals tħallas lilha, fuq medda ta’ seba’ snin.
Din l-għajnuna għandha magħha numru ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu osservati, u li jduru mal-ħtieġa li jitnaqqas il-konvenjent għar-residenti:

  • Il-Malta Freeport Terminals tirinunzja id-dritt li tinstalla Quay Cranes fl-aktar parti viċin ir-residenti fuq West Quay Terminal 1 u għalhekk tirrinunzja għad-dritt tagħha li topera minn hemm. Dan ifisser li b’hekk tingħalaq darba għal dejjem il-possibilità li ssir attività fuq it-terminal l-aktar viċin għar-residenti ta’ Birżebbuġa filwaqt li l-akbar attività tiġi trasferita fuq parti minn din l-espansjoni li tinsab fuq punt aktar ’il bogħod mir- residenti;
  • Li kwalunke attività ta’ Roll-on Roll-off ma tistax tibqa’ ssir f’ħinijiet tard bil-lejl jew fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, sabiex jitnaqqsu dejjem iktar l-inkonvenjenti għar-residenti tal-madwar;
  • Li l-Malta Freeport Terminals tagħti kontribuzzjoni addizzjonali ta’ €300,000 bħala parti mill-Corporate Social Responsability (CSR) tal-kumpanija biex jintużaw għal skopijiet soċjali f’Birżebbuġa.

L-appoġġ tal-gvern kien approvat mill-Istate Aid Monitoring Board wara eżerċizzju estensiv li sar biex jiġi assigurat li din l-assistenza hi konformi mar-regolamenti applikabbli tal-Unjoni Ewropea rigward State Aid.

Dan huwa proġett li flimkien mal-proġett tas-shore to ship fl-istess Port Ħieles li ħa jippermetti li l-vapuri jitfu l- magni tagħhom u jqabbdu dirett mal-elettriku, ħa jkun qiegħed jgħolli l-livell tal-operat tal-Port Ħieles f’pajjiżna filwaqt li jkompli jnaqqas l-element ta’ inkonvenjenza għar-residenti tal-madwar.

Xhieda tal-fatt li filwaqt li ma jnaqqas xejn mir-ritmu ekonomiku, il-gvern qed imur u jippromwovi għażliet li huma ambjentalment iktar sostenibbli u li jfissru inqas inkonvenjent għar-residenti.

2) Riġenerazzjoni tas-sit abbandunat tal-Ex Fabbrika Edible Oil

Dan huwa proġett ta’ €50 miljun, kollu kemm hu mis-settur privat, li mistenni joħloq 200 post tax-xogħol ġdid. Il-proġett jinvolvi riġenerazzjoni tas-sit abbandunat tal-eks-impjant tal-Edible Oil u l-madwar, liema investiment mistenni jkompli jgħolli l-livell taż-żona u jixpruna aktar investimenti ġodda lejn pajjiżna.
Dan il-proġett se jsir fuq art pubblika u privata, b’total ta’ 44,000 metri kwadri, fl-inħawi magħrufa bħala l- Imgieret, limiti tal-Marsa/Ħal Luqa u se jkun jikkonsisti fil-bini ta’ kumpless industrijali, fosthom imħażen, u binjiet kumplimentari bħal uffiċini, faċilitajiet ta’ catering, day care centre u ħwienet.

L-ewfitewżi oriġinali kien ingħata fl-1964 lill-Poultry Products Ltd. għal 99 sena.
Biex dan l-investiment seta’ jsir kella titneħħa kundizzjoni li kien hemm fiċ-ċens oriġinali, dik li parti minn din iż-żona trid tintuża strettament għal razzett tat-tiġieġ, kif ukoll kundizzjoni li ma jistax isir bini fuq madwar 220 metru kwadru ta’ art intiża biss sabiex isservi l-operat tal-vetturi tal-kumpanija stess. Għat-tneħħija ta’ dawn il- kundizzjonijiet, il-konsorzju se jħallas somma ta’ darba ta’ ftit iktar minn €3 miljun. Dan wara li saret valutazzjoni tal-valur tal-kundizzjonijiet minn periti indipendenti mqabbda mill-Awtorità tal-Artijiet.

3) Investiment fis-sit ta’ SMW Cortis f’Ħaż-Żebbuġ

Għal dan il-proġett, il-kumpanija Central Business Centre Ltd kif ukoll kumpanija oħra internazzjonali se jinvestu madwar €12-il miljun, primarjament f’supermarket fi Mdina Road u f’fabbrika tal-injam fi Triq Ħ’Attard, f’Ħaż- Żebbuġ.

Kif indikat fil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar maħruġ f’Awwissu tal-2021, fis-sit magħruf bħala SMW Cortis Building f’Ħaż-Żebbuġ ser jitwaqqgħu l-istrutturi kollha eżistenti, titħaffer l-art sabiex jinħolqu ġibjuni, isiru strutturi taħt il-livell tat-triq għall-użu kummerċjali u industrija, spazju ta’ parkeġġ taħt il-livell tat-triq, spazju ta’ parkeġġ fil-livell tat-triq u supermarket fil-livell tat-triq.

Central Business Centre Ltd se jkun qiegħed jieħu b’titlu ta’ ċens art ta’ madwar 1,400 metru kwadru għal perjodu ta’ 65 sena sabiex tkun tista’ tintuża bħala triq interna u servizzi oħra u b’hekk jkun jista’ jsir żvilupp fuq il- kumplament ta’ l-art privata b’total ta’ art ta’ madwar 15,500 metru kwadru li madwar 4,700 metru kwadru minnhom se jkunu landscaping u spazji miftuħa.

Permezz ta’ dan il-proġett se jinħolqu 46 post tax-xogħol ġdid. Il-mitħna li tinsab fl-istess żona u l-art ta’ madwarha se jibqgħu mhux mittiefsa u se jibqgħu proprjetà tal-gvern.

4) Proġett Lido Fortina

Fortel Service Ltd se jagħmlu investiment ta’ €7 miljun għat-titjib tal-lido eżistenti. Il-post fejn hemm il-Lido tal- Fortina kien ingħata b’titlu ta’ art lil Fortel Services Ltd fl-1991 fuq art ta’ madwar 1,400 metru kwadru.

Skont il-permess maħruġ is-sena li għaddiet, dan il-proġett jinvolvi t-tneħħija tal-pixxina eżistenti u li tinbena oħra minflokha, jiġi estiż il-foreshore, jinbena ristorant, u tinħoloq pjazza max-xatt fejn fil-preżent hemm ir- ristorant. F’din il-pjazza se jkun qed isir ġnien u jiġu installati bankijiet biex jintużaw mill-pubbliku, b’mod ukoll li titgawda l-veduta tal-Belt minn din in-naħa ta’ Tas-Sliema.

Fortina Developments Ltd. huma obbligati li jibnu passaġġ għall-użu tal-pubbliku f’kull ħin, bi spejjeż tagħhom, bħala estensjoni tal-passaġġ diġà eżistenti madwar ix-Xatt ta’ Tigne, u li l-passaġġ imsemmi għandu jdur mal- periferija tal-lido l-ġdid kif propost. L-istess Fortina Developments Ltd. huma obbligati għall-manutenzjoni u riparazzjoni tal-istess passaġġ u moll mingħajr ma jkunu intitolati għall-ebda kumpens jew fondi pubbliċi għal dak l-iskop.

Il-proġett jinkludi wkoll l-arja fuq il-baħar li hija intiza biex tikkumplimenta l-iżvilupp propost billi jitpoġġew mollijiet temporanji fuq wiċċ il-baħar, marbuta ma’ mazzri mqiegħda f’qiegħ il-baħar, biex jiffaċilitaw l-imbark u l-iżbark minn inġenji tal-baħar. Dawn il-mollijiet iridu jiġu installati skond il-kundizzjonijiet, l-obbligi u permessi imposti mill-awtoritajiet kompetenti u jiżżarmaw fix-xitwa.

Dawn il-proġetti kollha ġew approvati mill-Kabinett sabiex jitressqu b’riżoluzzjoni quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Verifika.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dawn il-proġetti mhux biss qed jagħtu indikazzjoni pożittiva għall-ekonomija ta’ pajjiżna fil-ġejjieni, iżda wkoll jikkumplimentaw il-politika tal- gvern li jkun hemm rispett sħiħ lejn l-ambjent ta’ madwarna; tant hu hekk li l-ebda tip ta’ art verġni jew art barra ż-żona ta’ żvilupp mhi se tintuża għal dawn il-proġetti.

Sport