Wednesday, April 24, 2024

“Irridu nħarrġu aktar nies sabiex jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn”

Keith Marshall

Aqra wkoll

Madwar 1000 tifel u tifla mill-Etjopja se jingħataw l-edukazzjoni tagħhom fi skola ġdida li għandha storja partikolari. Fil-fatt, din l-istess skola se tiġi ddedikata għall-memorja ta’ tliet ċittadini Maltin li tilfu ħajjithom riċentement.  

L-iskola tinsab fiż-żona msejħa Jimma Bonga u din se tkun tinkludi livell ta’ kindergarten, primarja u sekondarja. Proprju ftit tal-jiem ilu ġiet inawgurata din il-faċilita’ edukattiva li ġiet mibnija grazzi għan-numru ta’ donazzjonijiet li nġabru f’kampanja partikolari li saret minn Sigma Foundation, li hi parti mid-dipartiment tar-responsabbilta’ soċjali fi ħdan Sigma Group.  

Sadanittant l-iskola sekondarja se jkollha mfakkra lil Rebecca Zammit Lupi, Jonathan Chetcuti u Karl Pace li miet f’ċirkostanzi traġiċi f’dawn l-aħħar snin.  

Fil-fatt Zammit Lupi miet t’eta’ żgħira meta kellu biss 15-il sena wara li kien qed jiġġieled kontra l-marda qerrieda tal-kanċer.  

Karl Pace miet meta d-dgħajsa li kien fiha ħadet in-nar fil-marina tal-Imġarr fl-2020 filwaqt li Chetcuti, li kien plejer tal-volleyball, miet meta kellu biss 41 sena.  

Sadanitant Darrin Zammit Lupi, li jiġi missier Rebecca esprima x-xewqa tiegħu li ħolma li hu flimkien ma’ diversi persuni saret realta’. 

Jonathan Dalli, li kien qed jirrappreżenta lil Chetcuti, qal li sieħbu Jonathan kellu għal qalbu l-isport li tant kien jgħid li jġib l-għaqda, xi ħaġa li seħħet verament.  

Mill-banda l-oħra, il-kuġin ta’ Karl Pace, Jonathan Galea qal li minn dejjem kienet il-ħolma tal-kuġin tiegħu li jagħmel xi ħaġa għall-ġid tal-oħrajn. Iżda min kellu jgħidlu li ismu kien se jasal daqshekk ‘il bogħod u l-memorja tiegħu kkontribwixxiet għal tant ġid? 

Sadanittant, dan il-ġurnal tkellem ma’ Keith Marshall, wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-kampanja ġbir ta’ fondi li wasslet sabiex jinbena dan il-kumpless ta’ skejjel.  

“Hu ta’ pjaċir tiegħi u tat-tim dinamiku tiegħi li morna l-Etjopja u wettaqna din il-ħolma għal tant tfal li għandhom bżonn l-edukazzjoni. Ma kinitx biċċa xogħol faċli iżda ġbarna somma konsiderevoli li biha stajna nibdew dan il-proġett li ħa xi ftit taż-żmien sabiex seħħ iżda sa fl-aħħar, kollox sar realta’.” 

Marshall qal li l-pandemija tal-COVID-19 għamlet is-sitwazzjoni ferm diffiċli u tliet snin ilu meta l-Coronavirus kien fl-aqwa tiegħu, il-grupp li kien qed imexxi dan il-proġett kważi qata’ qalbu speċjalment bir-restrizzjonijiet li kien hemm u anke diversi sfidi finanzjarji li kien qed ikun hawn. Iżda l-provvidenza dejjem tipprovdi u fil-fatt huma xammru l-kmiem sabiex kollha kemm huma jwettqu din il-ħolma u jaraw mijiet ta’ tfal mill-Etjopja bit-tbissima fuq fommhom.  

“Nista’ niddeskrivi l-mument meta ftaħna din l-iskola bħala wieħed emozzjonanti ħafna. Ma ridniex nemmnu li wara l-elf problemi li nqalgħu, wasalna biex litteralment qtajna ż-żigarella.” 

Fil-fatt f’ċerimonja li saret lejn l-aħħar tax-xahar l-ieħor, l-isqof mill-Etjopja Markos Ghebremedhin inawgura din l-iskola fost il-ferħ tat-tfal innoċenti tal-pajjiż li kienu fis-seba’ sema.  

Marshall qal li jiddeskrivi din il-ħolma ma’ żerriegħa li damet ma kibret fi fjura għax iltaqgħet ma’ ħafna ostakli iżda li sa fl-aħħar kibret u ċert li se tkompli tissaħħaħ. Kollox sar minn individwi Maltin b’mod għalkollox volontarju fejn messew b’idejhom ix-xogħol u bl-għaraq ta’ ġbinhom waslu sabiex il-pedament ta’ dan il-bini jitla’ ftit ftit. Hu qal li kien hemm madwar 17-il persuna magħhom u dawn kienu ġejjin minn kull strata tas-soċjeta’ Maltija. Iżda kollha kemm huma ġibdu ħabel wieħed għax riedu jilħqu l-għan tagħhom.  

Tlabna lil Keith Marshall sabiex iwassal messaġġ u fuq kollox iħeġġeġ aktar ċittadini Maltin sabiex ikunu missjunarji u anke jagħtu dik id-donazzjoni żgħira kemm hi żgħira. 

“L-ewwelnett nemmen ħafna fil-qawl li kull qatra tgħodd. Jien dejjem ngħid li l-intenzjoni hi l-iktar ħaġa importanti għax il-bniedem ikun qalbu tajba u jrid jgħin. Jien nemmen li kull min jiġi fid-dinja għandu rwol partikolari x’jaqdi fil-ħajja. Per eżempju jekk hemm xi inġustizzja soċjali, il-bniedem jipprova jgħin kemm jista’ u jwassal sabiex dawk li qegħdin ibatu jwassalhom lejn id-direzzjoni t-tajba. F’dan il-każ kellna numru ta’ tfal li kienu mċaħħda mill-edukazzjoni tagħhom, sempliċement għax ma kellhom post fejn jitgħallmu. Għalhekk aħna konna għalihom dik il-ġustizzja soċjali li ħadmet qatigħ sabiex ra li titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.” 

Marshall fisser kemm l-empatija lejn il-proxxmu hi ferm importanti għax minkejja li forsi bniedem jista’ jkun komdu finanzjarjament u anke soċjalment, meta jagħmel il-ġid lejn ħaddieħor, dak hu l-aqwa riżultat li tibqa’ tiftakru sa ma tmut.  

Hu tkellem dwar l-organizzazzjoni bl-isem ta’ Sam Foundation li hemm għan filantropiku lejha. Il-fundazzjoni Sigma hi ferm attiva fejn għandhom x’jaqsmu dawn l-inizjattivi u Marshall radd ħajr lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom speċjalment dak finanzjarju.  

Saqsejna lil Keith Marshall dwar il-proġett li jmiss ta’ din il-fundazzjoni. 

“Irridu nħarrġu aktar nies sabiex jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Hemm proġetti li jiswew eluf ta’ ewro li qed inħejju għalihom u nixtieq li naslu fis-snin li ġejjin, l-istess bħalma wasalna fl-Etjopja. Irridu naraw li aktar tfal fil-bżonn jingħataw ħajja b’dinjita.” 

Hu jgħid li bħalissa f’Malta qed isiru numru ta’ korsijiet prattiċi fil-kċina, fil-ħjata, fix-xagħar u anke affarijiet oħra sabiex in-nies li jitilgħu hemmhekk ikunu jistgħu jaħsbu għal rashom speċjalment għax kumditajiet f’dawn il-postijiet mhux li tant hemm.  

Marshall qalilna li dawk li jkunu interessati jistgħu jidħlu fil-paġna fuq Facebook Sigma Foundation sabiex hemmhekk jaraw x’jistgħu jagħmlu sabiex jgħinu u eventwalment ikunu parti minn dan it-tim li hu ferm dinamiku u motivat li jagħti ħajja aħjar lil ħaddieħor.  

Sport