Friday, April 19, 2024

“Irridu nsostnu għażliet konsistenti favur il-ħajja f’kull waqt tagħha” 

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi

Aqra wkoll

“Fit-18 ta’ Jannar li għadda, mara ta’ 30 sena, Pelin Kaya, kienet maqtula proprju fil-ġurnata li ċċelebrat għeluq sninha. Kienet miexja u spiċċat vittma b’karozza misjuqa għal ġo fiha. Il-qtil tagħha bir-raġun ġab reazzjoni qawwija fost ħafna nies. Kif jista’ jkun tkun miexja għall-kwiet u f’daqqa waħda ssib min itemmlek ħajtek? Aħna u niċċelebraw illum, ftit ġranet wara, Jum il-Ħajja, ma nistgħux ma nfissrux in-niket kbir tagħna għal dan il-qtil u nuru s-solidarjetà sħiħa mal-familja tal-vittma. Ġrajja terribbli bħal din għandha ssaħħaħ fina lkoll ir-rieda li nipproteġu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda, għax il-ħajja ma għandhiex prezz. Il-ħajja umana għandha l-ikbar valur.”

Qal dan l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-Isqof Galea Curmi qal li rridu nsostnu għażliet konsistenti favur il-ħajja f’kull waqt tagħha. “Għalhekk naħdmu biex nipproteġu l-ħajja minn kull theddida: nagħmlu dan billi nieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex nipproteġu l-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol; inħarsu l-ħolqien mill-isfreġju għax ambjent meqrud għandu effett dirett fuq il-ħajja; niddefendu l-vittmi ta’ vjolenza domestika u ngħinuhom joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż; insalvaw lil dawk li qegħdin f’riskju li jegħrqu u jisparixxu fil-Mediterran – u rrid infakkar li ftit ġranet ilu mietu għadd ta’ persuni, fosthom tarbija u omm li ma sabux għajnuna; noħolqu kuxjenza li d-droga hi l-qerda tal-ħajja u toħloq kontinwament vittmi, u vittmi tal-vittmi; nieqfu ma’ dawk li minħabba l-mard jew età kbira jispiċċaw f’qagħda ta’ dgħufija u vulnerabilità. Dawn il-ħidmiet huma kollha espressjonijiet tal-impenn favur il-ħajja.”

“Imma dan l-impenn irid ikun konsistenti, ma jaqta’ xejn, u biex ikollna għażliet konsistenti favur il-ħajja, irridu nibdew mill-bidu nett, mhux minn ftit wara. Mill-bidu nett, meta diġà hemm ħajja umana, jiġifieri mat-tnissil ta’ din il-ħajja umana,” qal l-Isqof Awżiljarju. 

Sport