Saturday, December 21, 2024

“It-track record tal-PN fil-qasam tal-enerġija: falliment u diżastru kbir” – l-eks Ministru Konrad Mizzi jixhed fil-PAC

Aqra wkoll

F’seduta mqanqla tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC), illum xehed l-eks Ministru Konrad Mizzi dwar il-kuntratt tal-Electrogas, fejn spikkaw l-argumenti u l-battibekki bejn l-istess Mizzi u l-Membri tal-Oppożizzjoni fuq dan il-Kumitat.

Fil-bidu tas-seduta, l-eks Ministru Mizzi informa lill-Kumitat li kien se jagħmel preżentazzjoni dwar il-proġett u r-rapport tal-Awditur. Huwa spjega kif fl-2013 il-Partit Laburista tela’ b’mandat ċar li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li jaqleb il-provvista tal-enerġija minn waħda bbażata fuq il-Heavy Fuel Oil għal gass aktar nadif.

Qal li dak iż-żmien il-Partit Nazzjonalista kien għamel kampanja sħiħa kontra l-proġett u wara li tilef l-elezzjoni tal-2013, il-PN għamel minn kollox biex dan il-proġett ma jitwettaqx. 

Mizzi kompla jgħid li kien Gvern Laburista li f’Marzu tal-2014 raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. “Fl-2013 il-Gvern Nazzjonalista ried jopera bl-aktar żejt li jniġġeż għad-detriment tas-saħħa tal-poplu. Fuq fomm kulħadd kont tisma’ dejjem kemm kien jiġik għoli l-kont tad-dawl u l-ilma hekk kif kellna l-ogħla tariffi fl-Ewropa. Illum għandna l-orħos tariffi fiż-żona ewro,” qal Mizzi. 

Huwa qal li s-sitwazzjoni dak iż-żmien kienet tali li ħolqot diffikultajiet kbar ħafna u inċertezzi fil-pajjiż. “Fi żmien il-Partit Nazzjonalista, il-pajjiż kien għarkupptejh, bla tama, bla inevstiment, bla ħeġġa, il-poplu kien qata’ qalbu mill-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien u n-negozji kienu għarkupptejhom u beżgħana.

“Id-dikjarazzjonijiet li saru dak iż-żmien minn Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, u mill-Ministri tal-Gvern Nazzjonalista ma nsejniehomx. Qalulna li impossibbli nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Qalulna li jgħollu l-kontijiet bil-qalb, lin-nies kontu tajtuhom ħames bozoz sabiex jiffrankaw l-enerġija, bgħattu n-nies jaħslu l-ħwejjeġ bil-lejl,” qal Mizzi.

Kien hawn fejn l-eks Ministru Mizzi qal li t-track record tal-PN fil-qasam tal-enerġija huwa falliment, diżastru kbir u pajjiż bla viżjoni meta kienu fil-Gvern u ma kinux iwetqu bidla f’dan is-settur.

Qal ukoll li l-kontijiet tal-elettriku kienu jogħlew ta’ spiss pemezz tas-surcharge u l-familji u negozji kienu qishom qed jaqtgħu qalbhom, u agħar minn hekk il-Partit Nazzjonalista ma kellux alternattiva. 

Mizzi tenna wkoll li f’din is-sitwazzjoni fejn ħafna kienu qatgħu qalbhom, “aħna ridna nuru viżjoni u nkunu innovattivi.” Hawn iċ-Ċerpersin tal-Kumitat Beppe Fenech Adami staqsa lix-xhud għal min kien qed jirreferi meta qal “aħna”, b’Mizzi jwieġbu li kien qed jirreferi għall-Gvern Laburista.

Sussegwentement, il-membri tal-Oppożizzjoni saqsewh jekk bil-kelma “aħna” kienx qed jinkludi wkoll lil Keith Schembri. Min-naħa tagħhom, il-membri tal-Gvern qalu li x-xhud kien diġà ċċara li kien qed jgħid għall-Gvern Laburista.

Imbagħad id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina staqsa lix-xhud jekk “l-aħna” kinitx tinkludi wkoll lil Yorgen Fenech. Hawn intervjena d-Deputat Laburista Glen Bedingfield fejn qallu: “inti taf li s-Sur Fenech mhux parti mill-Gvern.” 

Min-naħa tiegħu, Konrad Mizzi qal lil Aquilina: “inti taf min hu l-Gvern. Dawn huma provokazzjonijiet. Neħħi dik id-daħqa minn fuq wiċċek Sur Aquilina. Lezzjonijiet mingħandek ma niħux. Inti sa issa għadek qatt ma għamilt xejn. ” 

Wara aktar battibekki, iċ-Ċerpersin tal-Kumitat Beppe Fenech Adami wissa lix-xhud biex ma jistax jinsolentax lill-membri tal-Kumitat, bix-xhud iwieġeb li l-ewwel il-membri tal-Oppożizzjoni ma kellhomx jinsulentaw lilu, iħalluh itemm il-preżentazzjoni tiegħu u wara jistgħu jagħmlulu l-mistoqsijiet.

Id-diskussjoni ssoktat b’għajjat u storbju bejn ix-xhud u l-membri tal-Oppożizzjoni fejn ma naqsux milli jingħadu diversi akkużi fil-konfront ta’ xulxin. F’ħin minnhom Karol Aquilina nstema’ jgħid lix-xhud “inti xxaħħamt”. Konrad Mizzi qal li din kienet gidba faħxija u se jkun qed jitlob ruling lill-ispeaker.

“Dan il-Kumitat ġibtuh żuffjett. Il-lezzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi tawulkom fl-2013, fl-2017 u jekk alla jrid  fl-2022 se nkun hemm bil-qalb nivvota kontrikom biex intom ma tkunux fil-Gvern,” qal Mizzi meta kien qed jindirizza lill-membri tal-Oppożizzjoni.

Lejn tmiem is-seduta tal-bieraħ, li damet għaddejja madwar siegħa u nofs, Mizzi qal li kien lesta biss terz tal-preżentazzjoni tiegħu. Il-Kumitat  imbagħad qabel li jissospendi s-seduta u jinforma lix-xhud b’data oħra ta’ meta se jerġa’ jiltaqa’ l-Kumitat.

Konrad Mizzi kien assistit mill-Avukati Carol Peralta u Jean-Paul Sammut.

Ekonomija

Sport