Monday, December 23, 2024

Iż-żoni ta’ kunflitt fid-dinja żdiedu b’żewġ terzi fl-aħħar tliet snin

Aqra wkoll

Donnu li din id-dinja ma tgħaddix jekk xi mkien, f’xi żoni ma jkunx hemm gwerer u kunflitti. Il-gwerer infirxu u intensifikaw, b’impatti kbar fuq it-tkabbir ekonomiku globali u s-sigurtà tal-ikel, skont l-aħħar Indiċi tal-Intensità tal-Kunflitti (CII).

Il-proporzjon tad-dinja maħkuma mill-kunflitt kiber b’65%, matul l-aħħar tliet snin, skont dan ir-rapport ġdid li ġie ppublikat dan l-aħħar mill-analisti tar-riskju Verisk Maplecroft. 

Filwaqt li kien hemm waqfien fil-livelli tal-kunflitti globalment matul il-pandemija tal-Covid-19, l-esperti jgħidu li kien hemm xejra ta’ vjolenza li qed tiżdied għal mill-inqas għaxar snin, filwaqt li ħafna kriżijiet li ilhom għaddejjin ikomplu bla waqfien.

Skont Hugo Brennan, direttur tar-riċerka f’Verisk Maplecroft, il-kunflitti riċenti kellhom impatti kbar fuq in-negozji, it-tkabbir ekonomiku u s-sigurtà tal-ikel, bil-ktajjen tal-provvista mfixkla mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, li pperikolat l-esportazzjonijiet tal-qamħ lejn il-Lvant Nofsani u l-Afrika, u attakki mir-ribelli Houthi mill-Jemen fuq it-tbaħħir fil-Baħar l-Aħmar.

Skont ir-rapport, l-ekwivalenti ta’ 6.15 miljun kilometri kwadri huma milqutin mill-ġlied bejn jew fi ħdan l-istati, li jfisser li 4.6% tal-massa tal-art tad-dinja issa hija affettwata minn kunflitt. B’kollox, 27 pajjiż, inklużi l-Ekwador, il-Kolombja, l-Indja, l-Indoneżja u t-Tajlandja, esperjenzaw żieda sinifikanti fir-riskju kumparat mal-indiċi tal-2021.

L-istess rapport jidentifika “kuritur ta’ kunflitt” li jkopri s-Saħel u l-Qarn tal-Afrika, mill-Mali sas-Somalja, fejn il-vjolenza rdoppjat fl-aħħar tliet snin. 86% tal-Burkina Faso kienet involuta f’kunflitt, filwaqt li s-Sudan u l-Etjopja raw mumenti ta’ vjolenza fuq skala kbira.

L-organiżazzjoni Children’s Villages International, li tgħin tfal separati mill-familji tagħhom, tgħid li 470 miljun tifel u tifla madwar id-dinja huma affettwati minn gwerer, inkluż fl-Ukrajna, is-Sudan, il-Gaża u l-Libanu, b’impatti serji li jmorru lil hinn mill-mewt u l-korrimenti.

Tfal f’żoni milquta mill-kunflitti huma f’riskju li jekk djarhom jinqerdu, il-ġenituri jinqatlu jew jekk jinfirdu meta jaħarbu mill-vjolenza, jsiru vulnerabbli speċjalment għall-isfruttament, l-iskjavitù, it-traffikar u l-abbuż.

Filwaqt li kienu qed jitfaċċaw kunflitti ġodda, b’żieda ta’ 27% f’avvenimenti vjolenti mill-gwerra tal-Ukrajna ‘il hawn, kunflitti aktar antika għadhom jippersistu wkoll. Ħafna inqas kunflitti qed jispiċċaw jew li qed isiru inqas intensi u hemm ħafna aktar minnhom li qed jinbdew.

Dawn il-kunflitti iżgħar, għandhom it-tendenza li jkomplu jevolvu u jikbru, u huma flessibbli ħafna għas-sistema politika li jsibu ruħhom fiha. Għalhekk jistgħu jkunu diffiċli ħafna biex jintemmu.

Skont l-esperti, il-vjolenza se tiżdied, parzjalment minħabba t-tensjonijiet bejn l-Iran u l-Iżrael iżda wkoll minħabba li hemm tendenza li dawk li wettqu kolpijiet ta’ stat u qtil, jew milizzji li jużaw il-vjolenza biex jimponu l-poter, ikunu jistgħu jaġixxu mingħajr ma jiffaċċjaw konsegwenzi.

L-Action on Armed Violence, organizzazzjoni tal-karità li tissorvelja l-ħsara ċivili, tgħid li hemm xejriet ta’ vjolenza li qed tiżdied meta mqabbla mal-2010, li kienet tinkludi l-ogħla livelli matul nofs id-deċennju fis-Sirja u l-Iraq.

Meta mqabbel ma’ nofs is-snin 2010, ħafna mill-vjolenza li kienet tinvolvi gruppi armati mhux statali li kienu jiddependu fuq armi żgħar u splussivi improvizzati, kien hemm żieda fil-vjolenza li tinvolvi stati f’kunflitt.

L-Action on Armed Violence tgħid li s-snin sa l-2020 se jiġu definiti bħala l-għaxar snin tal-attakki mill-ajru u partikolarment l-attakk tad-drones.

Ekonomija

Sport