Monday, June 15, 2026

KABBIR EKONOMIKU

Aqra wkoll

It-tkabbir ekonomiku jibqa’ indispensabbli għall-progress tan-nazzjon. Mingħajru s-sostenn tal-livelli tal-għajxien isir diffiċli ħafna. F’pajjiżna fl-aħħar snin, minkejja l-problemi li nqalgħu minn kullimkien, ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku żammet ritmu bla preċedent. 

Is-sorsi tat-tkabbir kienu fil-biċċa l-kbira s-servizzi li rnexxielna nesportaw (bit-turiżmu fuq quddiem nett imma mhux waħdu) li mbagħad taw stimulu lill-bejgħ u x-xiri li saru fil-pajjiż mir-residenti. 

F’sistema ekonomika li tiddependi mis-suq bħal ma hi tagħna, mhux possibbli li tiddeċiedi minn qabel kif bl-eżatt se jintlaħaq it-tkabbir mixtieq. Li jista’ jsir hu li l-ekonomija tiġi ggwidata f’ċerta direzzjoni. Jekk l-affarijiet jiżviluppaw kif mixtieq, jintlaħqu l-miri li jkunu ġew issettjati. Dan ġara u għadu qed jiġri.

Biss uħud qed iwissu li l-mod li bih irnexxielna nkabbru l-ekonomija riesaq lejn l-aħħar ta’ kemm jista’ jkun effettiv, jekk mhux diġà laħaq dal-punt. Hu ta’ min jieħu dawn it-twissijiet bis-serjetà.

IKEL MALTI

Il-ħidma li biha l-ikel Malti jingħata importanza billi jiġu preservati, mħaddma u mogħtija publiċità r-riċetti tat-tisjir Malti jistħoqqilha kull appoġġ. L-ikel Malti ħa l-ispirazzjoni tiegħu mill-“kċejjen” tal-ġnus li jdawruna fil-Mediterrran bla ma dan inaqqas mill-karattru speċifiku tiegħu. Kien parti essenzjali minn kif għex poplu ċkejken fuq gżira f’nofs il-Mediterran. Għandu jitqies parti mit-tradizzjonijiet li xieraq jiġu mħarsa u sostnuti.

Forsi saret ħaġa urġenti li dan isir. Il-firxa ta’ konsum ta’ ikel “ta’ malajr” baqgħet tikber, aktar u aktar bil-wasla ta’ servizzi li jġibulek ikel imsajjar sal-għatba tal-bieb. Quddiem il-pressjoni ta’ ikel Amerikan u Asjatiku li jitwassallek kull kif tridu, it-tisjir tal-ikel Malti fid-djar qed jonqos bil-kbir.

Ħaqqhom kull appoġġ nies b’talent kbir bħas-sur Anton Dougall għall-ħidma li baqgħu jwettqu bla waqfien biex iżommu ħajja t-tradizzjonijiet qodma u bnina tal-ikel Malti.

INTITOLATI

Waqt li bla dubju, matul l-aħħar kampanja elettorali l-PN wera li beda jirpilja mill-inċertezzi u nuqqas ta’ koerenza li wiret mis-snin 2008 – 2013 u li herrewh, għad baqa’ bidliet li jrid idaħħal fil-profil tiegħu biex jirnexxilu jikkonvinċi lil ħafna jagħtuh widen bis-serjetà. L-aqwa bidliet jikkonċernaw mhux il-politika li jipproponi daqskemm il-mod kif jipproponiha.

Fuq quddiem nett hemm l-attitudni li baqgħet tippersisti fost numru mis-segwaċi tiegħu. Mill-mod kif jitkellmu u jippreżentaw l-argumenti jew kummenti tagħhom, donnhom iridu jagħtu l-impressjoni li huma xi magħżula… tagħhom kważi bi dritt li jkunu l-“mexxejja” tas-soċjetà. Meta l-PN kien rebaħ l-elezzjonijiet, bi żbrixx jew le, forsi din l-attitudni kienet tollerata. Wara le – il-bixra ta’ nies li jħossuhom “intitolati” li jkollhom il-poter darrset u biegħdet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport