Il-pensjonanti kollha ilhom jaraw żidiet konsekuttivi fil-pensjoni mis-sena 2015 lil hawn. Minbarra ż-żidiet relatati mal-għoli tal-ħajja, il-pensjonijiet ħadu żieda fil-pensjoni nfisha. Xi ħaġa li, fi 22 sena, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, qatt m’għamilha.
Dan qalu l-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Dr Michael Falzon f’intervista li ta lit-Torċa dwar il-miżuri fil-qasam soċjali li tħabbru fil-Budget għas-sena d-dieħla. Fil-fatt, il-Ministru kkonferma li l-ispiża f’dan il-qasam se tiżdied ladarba se jiżdiedu l-miżuri soċjali.
“Iż-żieda fil-budget tas-soċjal tkun dejjem hemm. Xi ħaġa li nieħdu pjaċir ninvestu l-flus fin-nies,” iddikjara l-Ministru Falzon. “L-ispiża kienet neċessarja.”
Dwar il-miżuri li jolqtu lill-pensjonanti, il-Ministru spjega kif minn Jannar li ġej, il-pensjoni tal-irtirar, tal-invalidità, ir-romol u kif ukoll l-anzjani li jirċievu l-pensjoni tal-età se jingħataw żieda ta’ €10 fil-ġimgħa. Din se tkun l-ewwel żieda mill-€50 fil-ġimgħa li kienet imwiegħda li tingħata tul din il-leġiżlatura.
Il-Ministru Falzon kompla jgħid li l-pensjonanti kienu u għadhom is-sisien tas-soċjetà, b’ħafna minnhom għadhom attivi imma aktar minn hekk, irridu nirrikonoxxu l-ħidma li taw dawk ta’ qabilna. U dan il-Gvern dejjem emmen li l-pensjonanti, kull sena, jara li jtejbilhom il-livell tal-għajxien tagħhom.
Miżura li r-rispons għaliha kien wieħed pożittiv ħafna
Miżura importanti oħra hi l-wirt ta’ kontribuzzjonijiet bejn il-konjuġi. Bla dubju din ilha mistennija minn bosta, bil-Ministru jgħid li din il-miżura tifforma wkoll parti mill-programm elettorali u li se taffettwa pożittivament madwar 7,000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom ikunu nisa.
Huwa spjega dak li se jkun qed jiġri b’din il-miżura fejn konjuġi li għandu bolol żejda aktar milli kellu bżonn biex jilħaq il-pensjoni sħiħa tiegħu jista’ jittrasferixxi sa ħames snin bolol lill-konjuġi tiegħu.
Dan ifisser li kull mara li għandha minn tal-inqas ħames snin bolol imħallsa f’isimha u r-raġel tagħha għandu bolol żejda, jekk jgħaddilha dawk il-ħames snin bolol, hija se tieħu pensjoni f’isimha. Huwa stmat li bil-miżura l-ġdida tas-sena d-dieħla, se jibbenefikaw madwar 3,200 mara miżżewġa oħra.
F’każ li ma jintlaħqux 520 kontribuzzjoni, il-kontribuzzjonijiet trasferiti xorta jitqiesu għall-finijiet tad-Deficiency Contributory Bonus (DCB), għotja li tingħata darba f’sena għal min m’għandux biżżejjed kontribuzzjonijiet sabiex jieħu pensjoni, u għalhekk tiżdied ir-rata applikabbli ta’ dan il-bonus. Il-persuni eliġibbli m’għandhomx għalfejn japplikaw u ser jiġu notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. “Huwa stmat li 3,800 oħra se jaraw żieda fil-bonus darba fis-sena,” qal il-Ministru Falzon. “Din kienet miżura mistennija u r-rispons għaliha kien wieħed pożittiv ħafna.”
Mistoqsi dwar il-miżura li tikkonċerna r-romol, il-Ministru Falzon spjega li s-sena d-dieħla se jingħalaq il-proċess li kien beda fl-2022 bil-għan li r-romol ikunu intitolati għall-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin. B’dan l-aġġustament, aktar minn 7,000 romol se jkollhom żieda oħra fil-pensjoni tagħhom u r-romol kollha issa se jkunu qed igawdu minn pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.
“Din se tkun miżura li taffettwa numru sostanzjali ta’ nies. Miżura li kienet mifruxa fuq numru ta’ snin u li se tagħmel ukoll ġustizzja soċjali,” tenna l-Ministru Falzon.
Miżuri oħra għall-familji
Dwar it-tkomplija tal-miżuri li jolqtu l-familji, il-Ministru spjega li f’dawn l-aħħar 13-il sena, Gvern Laburista dejjem investa fejn jidħlu l-familji bit-tfal. Fakkar fiż-żidiet fiċ-children’s allowance, l-in work benefit waqt li ġew introdotti miżuri li bihom ġenituri bi tfal se jkun qed jiffrankaw mit-taxxa tagħhom, b’din tal-aħħar se tkompli wkoll is-sena d-dieħla.
“Dan apparti miżuri oħra soċjali. Miżuri bħal dawn minbarra li ttejjeb il-livell tal-għajxien tal-familji bi tfal huma immirati wkoll li jinkoraġġixxi li togħla r-rata ta’ fertilità,” qal il-Ministru Falzon.
Aktar appoġġ għall-persuni b’diżabilità
Il-Ministru rrefera wkoll għall-miżuri li jolqtu lill-persuni b’diżabilità. “Jekk hemm settur li l-Partit Laburista dejjem kien ġeneruż miegħu meta kien fil-Gvern, dan huwa dak tal-persuni b’diżabilità. Kien Gvern Laburista li, għall-ewwel darba, introduċa pensjoni għal dawn il-persuni.”
Fil-każ tal-persuni b’diżabilità, il-Ministru fakkar fid-diversi miżuri t’appoġġ li jingħataw lil dawn il-persuni, inkluż dawk b’diżabilità severa, filwaqt li qal li l-Gvern se jkun qiegħed ukoll jgħin fl-ispejjeż kollha marbuta ma’ terapiji meħtieġa għal tfal b’diżabilità taħt it-18-il sena.
Mistoqsi dwar it-tnaqqis fil-persuni li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali, il-Ministru Falzon spjega li t-tnaqqis jiddependi minn diversi fatturi. Madankollu, jekk kien hemm pakkett ta’ miżuri li kellu impatt sinifikanti, dan kien il-Making Work Pay, li jinkludi t-tapering of benefits, childcare b’xejn u l-in-work benefit.
“Ir-riżultati ta’ dan il-pakkett kienu pożittivi. Fl-2013 kien hemm madwar 15,000 persuna li kienu jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali. Illum, in-numru huwa madwar terz ta’ dak li kien dak iż-żmien. Il-mira hija li dan in-numru jkompli jonqos.
“Dak li huwa sinifikanti, iżda, huwa li minkejja li llum għandna terz biss tan-numru ta’ persuni li kellna fl-2013, in-nefqa fuq din is-sezzjoni tal-popolazzjoni hija akbar,” temm jgħid il-Ministru.
