Wednesday, April 24, 2024

L-ARREST TA’ MATTEO MESSINA DENARO

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Wara 30 sena jiġi mfittex mill-forzi tal-ordni Taljani u dawk tal-Interpol, Matteo Messina Denaro, il-kap tal-kapijiet tal-Mafja Siċiljana nqabad mill-fergħa tal-Carabinieri magħrufa bħala r-Reparto Operazioni Speciali, jew kif inhi magħrufa aħjar bhala r-ROS, li xogħolha huwa appuntu li jiġġieldu kontra l-Mafja u organizzazzjonijiet tal-kriminalità organizzata oħra li hemm madwar l-Italja kollha, organizzazzjonijiet li jinkludu l-Camorra ta’ Napli, l-Ndrangeta li hija attiva fir-reġjun tal-Calabria, u La Sacra Corona Unita li topera wkoll fin-nofsinhar tal-Italja. Messina Denaro ġie arrestat minn ġewwa klinika fejn kien qiegħed jieħu l-kura kontra l-kanċer.

Minkejja li minn meta l-Mafja kienet immexxija mill-istess Messina Denaro u mill-predeċessur tiegħu Bernardo Provencano, din bidlet ħafna l-modus operandi tagħha u abbandunat l-istrateġija ta’ attakki terroristi u assassini li kienu werwru lid-dinja fis-snin disgħin, u ikkonċentrat l-aktar fuq attivitajjiet ta’ negozju ħafna drabi b’mod illegali, dan l-arrest qiegħed jigi deskritt mill-midja Taljana bħala t-tmiem tal-era ta’ Toto’ Riina minħabba li Messina Denaro huwa meqjus bħala kreazzjoni tal-istess Riina, li kien għażlu u għallmu dak kollu li kellu bżonn sabiex ikun is-suċċessur denju tiegħu. Fuq kollox, dan l-arrest qiegħed jingħata ħafna importanza għaliex Matteo Messina Denaro huwa meqjus bħala waħda mill-ftit persuni li jafu ħafna sigrieti umportanti fuq avvenimenti li daħlu fl-istorja tal-Italja bħall-assassinji ta’ Giovanni Falcone u Paulo Borsellino u fuq kollox bħala l-persuna li taf ħafna fuq ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-Mafja ta’ Sqallija u l-politiċi.

Omertà

Li persuna bħal Matteo Messina Denaro, li llum jgħodd 60 sena, idum 30 sena sabiex jinqabad mingħajr dubju ta’ xejn jindika li ħafna nies żammew ħalqhom magħluq fuq fejn kien moħbi f’dawn it-tliet deċennji. Sabiex inkunu ezatti, minn dak li rrizulta wara l-arrest tiegħu, il-kelma ‘moħbi’ lanqas hija dik eżatta għaliex instab li dan kien jgħix prattikament ħajja normali ġewwa Campobello di Mazara, belt żgħira gewwa r-reġjun Sqalli tat-Trapanese. Fil-fatt, il-midja Taljana qiegħda tirrapporta li Messina Denaro, minkejja li kellu identità falza, kien jitħallat man-nies komuni u jiffrekwenta restoranti u bars b’mod regolari. 

Milli jidher, Messina Denaro tant kien iħossu protett u sigur li minkejja li kien marid serjament kompla bil-ħajja ta’ playboy li kien maghruf għaliha dan il-boss mafjuż fejn kien ikollu ħafna mistiedna femili fl-appartamenti tiegħu tant li fost l-affarijiet li sabu l-pulizija meta daħlu fl-appartament li fih jingħad li kien qiegħed jgħix f’dawn l-aħħar sitt xhur, instabu pilloli tal-Viagra kif ukoll pakketti tal-kontraċettivi.

Il-fomm sieket li huma magħrufin għalih l-Isqallin, fenomenu li huwa magħruf bħala l-Omertà, reġa’ spikka f’din l-istorja l-aktar meta wieħed jeżamina r-ritratti ta’ wiċċ Messina Denaro li ġew ippubblikati mal-arrest tiegħu mill-ROS. Dan għaliex dawn ir-ritratti kienu jixbħu kważi eżatt l-identity kits ta’ wiċċ Messina Denaro li kienu ta’ spiss jiċċirkulaw l-awtoritajiet meta dan kien għadu jiġi mfittex, identity kits li kienu mibnija bil-computers ibbażati fuq ritratti antiki li ġew irranġati b’mod diġitali sabiex ixejħulu wiċċu skont l-età tiegħu. Għalhekk, dan seta’ jintgħaraf faċilment minn nies li kienu jgħixu ħdejh.

Marid serjament

Messina Denaro kien ukoll jiċċettja b’mod regolari ma’ pazjenti oħra li flimkien miegħu kienu qegħdin jieħdu l-kura tal-kanċer fi klinika privata magħrufa bħala ‘La Maddalena’. Saħansitra, Messina Denara kellu l-ardir li jieħu xi selfies ma’ xi nurses tal-istess klinika. Skont xi sezzjoni tal-midja Taljana, dawn in-nurses ħadu dawn ir-ritratti ma’ Messina Denaro għaliex xi Sqallin jikkunsidrawh bħala xi ċelebrità.

Wara l-arrest tal-boss, diversi nurses u tobba tal-klinika ġew interrogati mill-pulizjija u prattikament kollha qalu li ma kinux jafu li l-pazjent li kien qiegħed jidher taħt l-isem falz ta’ Andrea Bonafede kien fil-fatt Messina Denaro. Skont l-investigaturi tar-ROS, din l-iskuża żgur mhijiex wahda kredibbli għal dawk kollha li ġew interrogati għaliex xi wħud minnhom kienu jikkuraw lil dan iċ-ċertu Andrea Bonafede li silef ismu lill-boss. Fil-fatt, dan ir-raġel diġà ammetta mal-awtoritajiet li ilu jaf lil Matteo Messina Denaro sa minn tfulitu u li minbarra li ħallieh juża ismu , huwa kien xtara l-appartament li semmejna aktar ‘il fuq f’ismu però bil-flus tal-mafjuż.

Arrest konvenjenti?

Naturalment kif isir kważi dejjem mill-politiċi, dawn ippruvaw jieħdu l-mertu ta’ dan l-arrest. Hekk fil-fatt għamlet Giorgia Meloni li ftaħret kemm felħet b’dan ‘is-suċċess’. Però, minnufih wara l-arrest, fuq il-midja soċjali bdiet tiġi ċċirkolata intervista li kien għamel il-ġurnalista u l-preżentatur magħruf Massimo Giletti mal-eks Mafjuż Salvatore Baiardo li kien ix-xufier tal-aħwa Graviano, żewġ kapijiet tal-Mafja li ilhom snin twal il-ħabs. F’din l-intervista dan Baiardo kien qal ċar u tond li kien qiegħed jistenna li ‘dalwaqt ikun hemm rigal għall-gvern il-ġdid’ għaliex Messina Denaro ken sejjer jagħti ruhu b’idejh lill-awtoritajiet permezz ta’ arrest faċli. Baiairdo kien qal ukoll li Matteo Messina Denaro kien sejjer jagħmel hekk għaliex jinsab marid bil-kancer u għalhekk jaqbillu jqatta’ l-aħħar xhur ta’ ħajtu ġewwa l-ħabs minn fejn ikun jista’ jingħata l-kura li jeħtieġ. Ta’ min jgħid li Bernardo Provenzano, il-predeċessur ta’ Messina Denaro bħala l-kap ta’ kapijiet tal-Mafja, ukoll kien inqabad mill-pulizija Taljana wara li kienet ħakmitu marda terminali.

X’qiegħed jistenna l-poplu Taljan?

Il-midja Taljana qiegħda tgħid li Messina Denaro għandu taħt rasu fortuna ta’ madwar 4 biljun ewro, flus li ġew minn diversi negozji li jieħdu kuntratti miljunari b’mod illegali. Fost oħrajn, dawn in-negozji jinkludu proġetti fl-enerġija rinovabbli, bini ta’ appartamenti residenzjali, restoranti u lukandi, u transport marittimu.

Il-poplu Taljan ta’ rieda tajba qiegħed jistenna li l-awtoritajiet jiskopru l-mod ta’ kif dan il-mafjuż irnexxielu jieħu dawn il-kuntratti u fuq kollox jiġu individwati n-nies fil-politika u fin-negozju li allegatament għenuh sabiex jirbaħhom.

Wieħed jittama li fl-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa ma jerġax jiġri bħalma kien ġara fl-arrest ta’ Toto’ Riina, meta l-awtoritajiet kienu qagħdu jittratenu sabiex daħlu fil-villa ta’ Riina u meta fl-aħħar daħlu sabuha vojta wara li xi ħadd kien litteralment naddafha minn kull dokument u evidenza li jingħad kienet issallab ħafna nies magħrufa u importanti.

Sport