Sunday, December 22, 2024

“L-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità hija prijorità għal Malta” – Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fi New York

Aqra wkoll

“L-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità hija prijorità għal Malta”, qalet il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli waqt li indirizzat il-Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) ta’ din is-sena għall-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fi New York.

Din il-laqgħa annwali ġġib flimkien rappreżentanti ta’ gvernijiet, flimkien ma’ attivisti fid-diżabilità, akkademiċi u esperti, biex jirriflettu fuq il-kisbiet tal-passat, filwaqt li jfasslu soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi komuni.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tat stqarrija nazzjonali f’isem Malta, li fiha enfasizzat numru ta’ kisbiet ewlenin għall-pajjiż tul l-aħħar snin. Fost dawn kien hemm leġiżlazzjoni li tikkriminalizza b’mod komprensiv l-isterilizzazzjoni furzata, ir-riforma nazzjonali lejn id-deistituzzjonalizzazzjoni, it-tisħiħ tal-assistenza personali, u l-kumpens għall-vittmi tat-Thalidomide.

Apparti l-plenarja tal-CoSP, il-ministru indirizzat sessjoni favur Pjan ta’ Azzjoni għall-Inklużjoni tad-Diżabilità fi ħdan il-Commonwealth. Hija tenniet l-appoġġ mogħti mill-gvern għal din l-inizjattiva, li għandha tkompli tiġi diskussa fil-Laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth (CHOGM) f’Ottubru, u enfasizzat l-impenn ta’ Malta li tippromwovi din il-kawża permezz tar-rwol tagħha fil-Grupp Internazzjonali ta’ Tmexxija ikkordinat mill-Forum tal-Persuni b’Diżabilità tal-Commonwealth.

F’laqgħa bilaterali mal-għaqda internazzjonali The Leprosy Mission, uffiċjali għolja faħħru l-inizjattiva ta’ Malta fejn ġiet preżentata quddiem il-Parlament Malti leġiżlazzjoni li tħassar liġijiet ta’ żmien l-Ingliżi li jiddiskriminaw kontra persuni affettwati mil-lebbra, b’tali diskriminazzjoni twassal sabiex dawn in-nies jesperjenzaw diżabilità. Għalkemm l-inċidenza ta’ din il-marda hija rari ħafna llum, il-liġi tagħna kienet għadha titlob miżuri bħal kwarantina għal min ikun affettwat, li ma għadx hemm bżonnhom minħabba avvanzi fil-mediċina. Il-ministru affermat illi ser tagħmel sforz ma’ kollegi oħra fil-Commonwealth, sabiex pajjiżi li għandhom tali liġijiet iħassruhom ukoll.

Kellha laqgħa wkoll ma’ Bill Shorten, il-Ministru Awstraljan risponsabbli mill-Iskema Nazzjonali għall-Assigurazzjoni dwar id-Diżabilità. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat kif Malta wkoll adottat skema simili u effetwat tibdil fil-liġi, sabiex hekk jibdew jiġu koperti iktar persuni b’diżabilità, fejn tidħol assistenza. Aċċennat ukoll fuq ir-riformi li saru fejn tidħol assistenza personali.

Hija inkoraġġiet lill-kontroparti tagħha sabiex l-Awstralja tirratifika l-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti Vulnerabbli, kif għamlet Malta. Hekk, għaddiet suġġeriment li kien diġà ġie diskuss bejn il-ministru u s-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Din tkun miżura illi tnaqqas il-burokrazija għal adulti vulnerabbli fiż-żewġ pajjiżi, partikolarment Maltin b’ċittadinanza doppja, illi jiġu bżonn assistenza fil-pajjiż l-ieħor.

F’laqgħa oħra maċ-Chairperson tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Gertrude Oforiwa Fefoame, kellha kliem ta’ tifħir għall-isforzi tal-Gvern Malti fir-rigward tad-deistituzzjonalizzazzjoni, kif ukoll għal kif il-liġi Maltija issa tipprovdi għall-obbligu illi liġijiet relatati mas-settur tad-diżabilità jridu jgħaddu kollha minn kumitat konsultattiv fi ħdan il-ministeru – ENGAGE. Hija tenniet li din hija miżura ta’ prattika tajba fit-termini tal-konvenzjoni.

Jakkumpanjaw lill-ministru kien hemm ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti Vanessa Fraiser, il-Kummissarju tas-CRPD Rhoda Garland u l-kap tat-taqsima tad-diżabilità fi ħdan il-ministeru Alistair DeGaetano.

Ekonomija

Sport